Knisja Maltija
Il-Knejjes iħejju biex minn għada jiftħu l-bibien tagħhom u jilqgħu lill-poplu Nisrani

Wara li l-Kurja ħabbret il-mod li bih se tiġi ċċelebrata l-quddiesa minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid – 19, kollox jinsab lest fil-knejjes biex minn għada jiftħu l-bibien tagħhom u jilqgħu lill-poplu Nisrani għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddiesa.

Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet fil-knejjes madwar il-pajjiż biex minn għada, terġa tiġi ċċelebrata l-quddiesa bil-kongregazzjoni, dejjem skont il-miżuri li ħabbret il-Kurja fl-aħħar jiem. Fil-Knisja ta’ Kristu Re Raħal Ġdid il-Ġimgħa filgħodu kienu qed isiru l-aħħar irtokki biex il-Knisja tiftaħ il-bibien tagħha fis-sigħat li ġejjin.

Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, Dun Marc Andre’ Camilleri, spjega li anke jekk f’dawn it-tliet xhur il-Knisja waslet il-quddiesa u wkoll il-barka permezz tal-mezzi soċjali, il-fatt li wieħed imur jisma’ l-quddiesa fil-Knisja huwa totalment differenti mir-realta’ virtwali.

“F’dawn it-tliet xhur kien hemm diversi mbegħdin mill-familjari tagħhom. Jikkomunikaw ta’ kuljum anke bil-video calls u affarijiet imma meta inti terġa tiltaqa’ mal-maħbubin tiegħek u tista’ tkun viċin tagħhom, wiċċ imb’wiċċ, meta tgħannaq lill-ommok huwa differenti minn meta tarahom permezz tat-teknoloġija u l-istess aħna bl-Ewkaristija u bil-quddiesa… Ovvjament meta huma jkunu miġburin fil-Knisja flimkien jistgħu jirċievu l-Ewkaristija, hemm differenza enormi. Ovvjament aħna ħadna l-prekawzjonijiet kollha li kienu mitluba, ħsibna li jkun hemm id-distanzi adegwati, l-ispazji għall-qrar, it-tqarbin isir b’mod mill-iktar iġeniku biex ma jkunx hemm periklu għas-saħħa, imma fl-istess ħin inħeġġu lin-nies biex jerġgħu lura biex inkunu bħala komunità flimkien… Aħna m’aħniex reliġjon virtwali imma aħna reliġjon inkarnata. Irridu nkunu flimkien, inħossu l-preżenza ta’ xulxin u nkunu fil-preżenza t’Alla.”

F’ċertu knejjes, minħabba l-limitazzjoni tal-ispazju, min jixtieq jattendu qed ikun mħeġġeġ li jilħaq jagħmel booking. Madankollu għal knisja kbira bħal ta’ Kristu Re Raħal Ġdid dan mhux se jkun il-każ.

“Hemm diversi knejjes li qed jagħmlu sistema ta’ bookings minħabba li hemm limitazzjoni kbira ta’ kemm jistgħu joqogħdu nies fil-Knisja. Minħabba l-qies tal-Knisja tagħna li huwa tant kbir jista’ jkollna 430 preżenti. Se jkun hemm ukoll xi siġġijiet extra taħt il-portiku u allura m’hemmx dak il-bżonn li jkun hemm il-prebooking. Naħseb li hemm biżżejjed wiesa’ biex kull min jixtieq jiġi għall-quddiesa jsib post fejn joqgħod ukoll.”

Dun Marc Andre’ Camilleri qal li l-knejjes qed iħejju wkoll biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu ċċelebrati l-ewwel tqarbina u l-griżma. Qal li fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom, il-Knisja qed tagħmel mill-aħjar li tista’ biex dawn it-tfal ma jkunux imċaħħda mis-sagramenti.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Ħames għaqdiet sportivi Għawdxin ibbenefikaw mis-somma ta’ €20,750 mill-isports scheme biex iwettqu l-proġetti tagħhom din is-sena. L-għaqdiet li bbenfikaw huma: Għajnsielem Redcoats, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 bit-titlu tal-proġett ‘Sizzling…

Lokali

L-Aġenzija Identity Malta dalwaqt se tibda toħroġ karta tal-identità ġdida li se jkollha karatteristiċi ġodda ta’ sigurtà li jħarsu l-identità tal-persuni. Il-karatteristiċi l-ġodda jagħmluha diffiċli li d-dokument jiġi mbagħbas jew…

Infrastruttura

Minn din il-ġimgħa l-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu jistgħu jieħdu lil uliedhom jilagħbu fil-grawnd tal-binja ‘The Meeting Place’ fil-Marsa. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, qalet li t-tfal bl-awtiżmu se jkollhom post…

Aktar