Knisja Maltija
Il-Knisja b’fond biex tislef mingħajr imgħax lil persuni li jixtiequ jqumu fuq saqajhom

F’inizjattiva ġdida, il-Knisja waqqfet bl-ewwel għotja ta’ €5,000 Fond għal Solidarjetà Volontarja. F’konferenza tal-aħbarijiet immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi ntqal li l-Fond ser jagħti għajnuna bħala self mingħajr imgħax lil persuni li jixtiequ jqumu fuq saqajhom billi jibdew negozju jew jidħlu għal xi proġett.

Twaqqaf mill-Knisja l-Fond għal Solidarjetà Volontarja bil-għan li jgħin persuni li waqgħu lura fis-soċjetà minħabba raġunijiet differenti. Il-Knisja f’Malta tat l-ewwel għotja fil-fond ta’ €5,000.

L-idea biex jinħoloq dan il-fond kienet tal-Prof. Josef Bonnici li spjega li l-fond ser iħeġġeġ negozjanti u persuni li jaqilgħu iktar minn dak li huwa neċessarju, sabiex jikkontribwixxu b’mod volontarju għal dan il-fond. Dan bil-għan li l-fond ikun jista’ jgħin billi jipprovdi mezz kif persuni jkunu jistgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom b’mod dinjituż.

Prof. Josef Bonnici qal “individwu jkollu kapaċitajiet illi bi ftit ta’ support u sosten ikun kapaċi biex dawk it-talenti jużahom biex jerġa’ jgħix dinjituż, fid-dinja tax-xogħol b’mod illi l-kapaċitajiet tiegħu jkunu qed iservu ta’ sosten għal ħajtu u l-familja tiegħu”.

Il-Professur Bonnici fisser li l-ħsieb huwa l-fond jislef mingħajr imgħax u s-self jitħallas lura meta l-persuna tkun qamet fuq saqajha biex xogħol li tkun wettqet.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-għajnuna ser tagħmilha possibbli li l-individwu jingħata spinta ‘l quddiem.

Mons Joseph Galea Curmi qal “il-Knisja tgħin lill-bniedem mhux biss illi tagħtih ħuta iżda tgħinu jistad, jiġifieri mhux biss tagħtih dak li għandu bżonn dak il-ħin, bħal Caritas imma wkoll tgħinu jistadd allura tgħinu jqum mis-sitwazzjoni li jkun fiha.”

Il-Professur Bonnici stqarr li minħabba l-inugwaljanzi fid-dħul finanzjarju li qed jinħolqu anke f’ekonomiji li qed jikbru, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp wissew dwar l-effetti negattivi li dan qed ikollu fuq is-sostennibbiltà tal-ekonomiji minħabba lit-tqassim inekwu tal-ġid jikkawża problemi soċjali.