Lokali
Il-Knisja b’rapport biex jixpruna diskussjoni dwar bidla fil-mudell ekonomiku għall-ġid tas-soċjetà Maltija

Il-Knisja nediet rapport bl-isem ta’ Beyond GDP biex jixpruna d-diskussjoni dwar bidla fil-mudell ekonomiku għall-ġid tal-bniedem u tas-soċjetà Maltija. Ir-rapport sar mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u huwa intiż li n-nies ikollhom dħul iktar adegwat skont il-kwalità tal-ħajja.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja qed tipproponi li jinħoloq l-indiċi ġdid biex ikejjel il-kwalità ta’ ħajja, simili għall-Better Living Index tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku.

Imnebbħa mil-laqgħa internazzjonali “l-ekonomija ta’ Franġisku”, li qed issir bħalissa f’Assisi fuq stedina tal-Papa, din il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva, imsejħa Beyond GDP, b’ħidma ma’ entitajiet privati u tal-Knisja stess.

Il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Daniel Darmanin qal ”ħassejna l-bżonn li nipprovaw nippromwovu ekonomija li tħares iktar lill-fqir u lill-batut, li tħares lejn l-ambjent, li tħares lejn dawn l-aspetti kollha li kultant ma nagħtux kashom meta nħarsu biss lejn il-figura tal-GDP.”

L-ekonomista mill-kumpanija EY Malta, Maria Giulia Pace, li kienet parti mit-tim li ħadem fuq ir-rapport dwar l-indiċi għall-kwalità tal-ħajja aħjar, qalet li gruppi vulnerabbli bħall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u persuni li jgħixu barra huma inviżibbli fl-istatistika u l-indikaturi dwar l-ekonomija u għalhekk ħafna drabi l-kwistjonijiet tagħhom mhux qed jiġu indirizzati.

”Qed nagħtu diversi rakkomandazzjonijiet. Waħda minnhom hi li noħolqu database online ta’ din l-informazzjoni kollha ħalli nkunu nistgħu nindirizzaw il-policies kollha u li din il-framework tiġi addotata.”

Ir-rapport jipproponi wkoll li jkun hemm qbil fuq qafas nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien, reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-COLA u diskussjoni dwar patt soċjali.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-Knisja jinteressaha l-bniedem sħiħ, u dejjem tmexxi ‘l quddiem l-iżvilupp ħolistiku tal-bniedem u tas-soċjetà.

Qal li dan kollu hu fil-linja ta’ dawk li jixtieq il-Papa Franġisku, li qed ilaqqa’ ekonomisti, imprendituri, riċerkaturi u attivisti żgħażagħ biex jaħsbu b’mod kreattiv kif jistgħu jagħtu ruħ l-ekonomija.