Knisja Maltija
Il-Knisja b’surplus ta’ €1.2m fl-2020 – id-dħul mill-ġbir fil-Knejjes naqas b’40% f’sena

Il-Knisja f’Malta għalqet is-sena li għaddiet b’bilanċ ta’ ftit aktar minn miljun Ewro. Mir-rapport finanzjarju għas-sena li għaddiet joħroġ li l-Arċidjoċesi għamlet surplus inqas mis-sena ta’ qabel, iżda s-sitwazzjoni kienet tkun differenti li kieku ma kienx hemm dħul ta’ darba minn ishma u wirt li kellhom tliet entitajiet fi ħdanha. Il-pandemija ħalliet effetti fuq il-finanzi tal-Knisja wkoll li sofriet tnaqqis fid-dħul mill-ġbir, kellha żieda fl-ispejjeż u l-għajnuniet lil familji l-aktar fil-bżonn.

Is-sena li għaddiet, id-dħul tal-Arċidjoċesi ta’ Malta naqas b’aktar minn tliet miljun ewro. Fil-preżentazzjoni tar-rendikont finanzjarju għas-sena li għaddiet, is-Segretarju Amminstrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, spjega li t-tnaqqis kien dovut l-aktar għal dħul ferm anqas mill-ġbir u għan-nuqqas ta’ dividend mill-Bank APS li ma ngħatax fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew minħabba l-pandemija.

Billi bejn Marzu u Ġunju tas-sena l-oħra ma ġiex iċċelebrat quddies fil-knejjes, u l-attendenza fix-xhur ta’ wara kienet anqas, id-dħul mill-ġbir fil-parroċċi naqas b’aktar minn miljun ewro jew 40% meta mqabbel mal-2019. Dan minbarra tnaqqis ta’ kważi tliet kwarti ta’ miljun ewro fid-donazzjonijiet. It-tnaqqis fit-turiżmu ħalla impatt ukoll fuq il-finanzi hekk kif il-viżitaturi fil-Mużew tal-Katridral tal-Imdina u l-Bażilika tal-Mosta naqsu b’aktar minn 80%.

Mill-banda l-oħra, l-Arċidjoċesi kellha żieda fid-dħul li għamlet minn wirt u skemi ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Gvern matul il-pandemija. Intqal li s-suppliment tal-pagi mogħti mill-Gvern biex itaffi mill-piżijiet tal-Covid għen lill-Arċidjoċesi biex iżżomm lill-impjegati kollha u żżid oħrajn li jaħdmu direttament fil-missjoni pastorali tal-Knisja u fil-qasam soċjali.

Fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija, l-Arċidjoċesi pposponiet għadd ta’ proġetti u xogħlijiet. Dan wassal biex naqqset l-infiq b’żewġ miljuni u sitt mitt elf ewro. Is-Sur Pace Ross spjega li żewġ terzi tal-infiq mar għall-pagi tal-kleru u l-lajċi. L-ispejjeż tal-operat, fosthom dawk għall-manutenzjoni, restawr u konservazzjoni naqsu bi 15%.

“Kienet sena diffiċli ħafna għax kellna tnaqqis drastiku fil-ġbir mill-parroċċi u qed nagħmlu tajjeb għal dan it-telf minn savings passati li kellna fis-snin ta’ qabel, però mhux biss qed naraw ukoll fejn nistgħu nitteppjaw inizjattivi li jsiru ta’ fondi governattivi biex inkunu nistgħu naħdmu biex insostnu l-operat tagħna.”

Minkejja t-tnaqqis fid-dħul, l-Arċidjoċes li tiġbor fiha iktar minn 100 entità u timpjega iktar minn 1,300 persuna rreġistrat surplus ta’ miljun u mitejn elf ewro, li madankollu hu aktar minn żewġ miljun ewro anqas mill-2019. Is-Sur Pace Ross qal li mingħajr id-dħul ta’ darba f’ishma li rċeviet il-Fondazzjoni Sebħ, u wirt li bbenefikaw minu d-Dar tal-Providenza u d-Dar tal-Kleru, id-daqqa tal-pandemija fuq l-Arċidjoċesi kienet tkun ferm akbar.

“Aħna s-surpluses li nagħmlu dejjem inżommuhom biex meta jkollna każ bħalma kellna din is-sena li kienet diffiċli ħafna nkunu nistgħu nibqgħu għaddejjin bl-operat tagħna. Irid insemmi wkoll li aħna żiedna l-operat tagħna. Żiedna l-ispejjeż tagħna għax il-bżonnijiet tal-familji u tal-individwi żdiedu f’din is-sena li kellna ta’ pandemija, però ma naqqasna l-ebda ħaddiem anzi żiedna l-ħaddiema tagħna fl-aspett pastorali, fl-aspett soċjali u komplejna bil-missjoni tagħna anzi żiedna.”

Mistoqsi dwar il-prospetti għal din is-sena, is-Sur Pace Ross qal li jistma li se tkun ftit aħjar minn tas-sena l-oħra anke għax qal li l-Arċidjoċesi se tirċievi d-dividend bħala azzjonista tal-Bank APS – għalkem se jkun hemm limitu fuqu.