Reliġjon
Il-Knisja dwar l-abbużi: L-operat tas-Safeguarding Commission f’Malta jirrifletti l-liġi

Il-Knisja f’Malta diġà għandha l-istruttura li qed jitlob il-Papa Franġisku biex tinvestiga rapporti ta’ abbużi u mġieba ħażina fi ħdan il-Knisja. Il-Papa ta’ sena żmien lid-djoċesijiet kollha biex jiżguraw li għandhom sistemi f’posthom u aċċessibbli għall-pubbliku.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li f’Malta dan ix-xogħol isir mis-Safeguarding Commission inkarigata mill-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli. Qal li l-operat tagħha se jiġi aġġornat biex jirrifletti dak li qed titlob il-liġi l-ġdida.

Fl-aħħar snin, il-Knisja Kattolika madwar id-dinja ffaċċjat diversi każi ta’ abbużi minn membri tal-kleru, u possibilment każi oħrajn li qatt ma raw id-dawl tax-xemx. Il-Papa Franġisku approva liġi ġdida li torbot lill-knisja kollha bi proċeduri ġodda dwar dawn il-każi.

Kollaboratur ewlieni tal-Papa f’dan ix-xogħol kien l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, li fisser li l-liġi l-ġdida tobbliga lil kull saċerdot u reliġjuż li jsir jaf jew għandu suspett dwar imġieba li tagħmel ħsara lill-persuna, jew abbużi bħal dawk sesswali, biex jirrapporta minnufih.

“F’kull djoċesi, fi żmien sena jrid ikun hemm struttura li tilqa’ dawn id-denunċi. Aħna għall-grazzja t’Alla Malta u Għawdex ilna li għandna għal diversi snin din l-istruttura imma rridu ovvjament intejbuha fid-dawl ta’ din il-liġi.”

Il-liġi tagħti protezzjoni lil min jersaq ‘il quddiem u jirrapporta, u hemm ukoll sensiela ta’ obbligi lejn il-vittmi fosthom li jingħataw widen u l-għajnuna.

Il-liġi sseggwi wkoll il-prinċipju li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi, inkluż dawk bi rwol ta’ tmexxija bħal Kardinali, Isqfijiet jew Superjuri Ġenerali ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi.

“Jekk jien nagħmel xi ħaġa ħażina ma jiġux għandi għax inkella npoġġu kollox taħt it-tapit imma jmorru għand l-Isqof ta’ Għawdex, li mbagħad irid jitkellem man-Nunzju, u l-Isqof ta’ Għawdex għandhom l-obbligu ħalli nkun konkret li r-rapport li jkun kontrija jmur dritt għand is-Santa Sede, tatihom l-istruzzjonijiet.”

Spjega li l-investigazzjoni trid tkun lesta fi żmien tliet xhur, bid-dokument ta wkoll direzzjoni dwar il-finanzjament għal dan ix-xogħol.

“Il-Papa qed jitlob lil kull konferenza episkopali li jkun hemm fond awtonomu biex mhux imbagħad meta tinqala’ l-problema m’għandniex biex imexxu, irid ikun lest hemmhekk.”

L-Arċisqof saħaq li l-investigazzjoni mill-Knisja, b’ebda mod ma teskludi investigazzjoni separata mill-awtoritajiet tal-istat.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari t-tieni waħda fi ftit jiem, qed tiżvolġi wara laqgħa mqanqla tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ntemmet tard ilbieraħ billejl. Pierre Portelli stqarr li dak li ġara fil-laqgħa…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien l-uniku wieħed barra Pierre Portelli li tkellem fi tmiem il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit u stqarr li ser jagħmel proposti lill-Grupp Parlamentari għat-triq ‘il quddiem. Huwa…

Qorti

Taljan ta’ 44 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza fuq anzjan ta’ 77 sena. Il-każ seħħ fl-aħħar tax-xahar l-ieħor minn stabbiliment fi Triq il-Ħġejjeġ,…

Lokali

Il-President George Vella qal li għandu riservi serji dwar il-legalizzazzjoni tal-marijuana rikreattiva. F’konferenza tal-Fondazzjoni Oasi, il-President stqarr li l-kannabis tista’ tkun ta’ benefiċċju għal skop mediku, iżda appella għal kawtela…

Aktar