Knisja Maltija
Il-Knisja f’Malta tfakkar lil San Ġorġ Preca

Fil-knejjes f’Malta u Għawdex illum tfakkar San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti u s-saċerdot li fis-skiet tiegħu huwa ġab rivoluzzjoni fl-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi f’Malta.

Pijunier għax fehem il-ħtieġa li l-lajċi jistgħu wkoll iwasslu l-kelma t’Alla fi żmien meta s-saċerdoti biss kienu jgħallmu d-duttrina.

Fr Joseph Falzon, Karmelitan u Pirjol tal-Knisja Parrokjali ta’ Santa Venera, sostna li qabel qaddes kienu qalulhom lil tal-familja li m’għandux ħajja twila.

“Mur għidilhom kemm kien se jaħdem għal Alla u li baqa’ ħaj sakemm kellu 82 sena”.

San Ġorġ lahaq saċerdot fl-1906 u l-ewwel quddiesa tiegħu qaddisha f’San Gejtanu il-Ħamrun fejn iddedika ħajtu jgħallem liż-żgħażagħ.

Waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija ftit wara li laħaq saċerdot u għalkemm għall-ewwel il-Knisja kienet beżgħana minn xi tagħlim ġdid li seta’ jtebba’ t-tradizzjoni Nisranija snin wara, meta l-Knisja stess għarfet il-ġid ta’ dan is-saċerdot, id-djar għat-tagħlim nisrani bdew jiftħu waħda wara l-oħra fil-parroċċi.

Kull nhar ta’ Ħamis, eluf ta’ nies kienu jattendu wkoll għall-adorazzjoni fil-parroċċa ta’ San Gejtanu u l-kelma tiegħu kien jiġri warajha kulħadd.

“Fejn il-bieb tas-sagristija dejjem bin-nies jistennewh, biex iberkilhom it-tfal, biex iberkilhom xi ħelu, kuruni u biex jgħidu xi kelma miegħu”, żied Fr Falzon.

L-umiltà u l-fidi kbira tiegħu wasslitu biex sar l-ewwel qaddis Malti fl-2007 iżda huwa dejjem tgerrex mill-popolarità, dejjem ħabb il-ħajja sempliċi u qatt ma ried li jfittex l-attenzjoni.

Imma l-funeral tiegħu f’San Gejtanu l-Ħamrun kien xhieda ta’ kemm kien maħbub dan is-saċerdot.

“Kien wieħed mill-ikbar funerali tal-gżejjer tagħna. Tant kien kbir li kien hawn id-dinjitarji kollha u mijiet ta’ eluf ta’ nies, baħar ta’ nies”, żied Fr Falzon.

Dun Ġorġ miet fis-26 ta’ Lulju 1962 u l-festa liturġika tiegħu taħbat fid-9 ta’ Mejju.

Kliemu u t-tagħlim tiegħu ma jintesew qatt. Minn ħajja fqira għal mudell tas-saċerdozju. Għat-tradizzjonijiet li għadhom magħna sal-lum bħall-purċissjoni tal-Bambin fil-Milied u l-evanġelizzazzjoni tad-duttrina mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) li firxet ħidmietha anke lilhinn minn xtutna.