Il-Knisja Maltija ssellem lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona

Il-Knisja Maltija rringrazzjat lill-Arċisqof Emeritus Monsinjur Pawlu Cremona għall-ħidma pastorali tiegħu fost il-poplu Malti, f’dawn l-aħħar seba’ snin. Monsinjur Cremona fil-Festa ta’ Kristu quddiem folla kbira li ħonqot kull rokna tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt qal li huwa ħass li kien għajjien wisq biex ikompli jmexxi l-Knisja u anke ra li hemm bżonn suċċessur b’enerġija li jmexxi l-Knisja lejn Evangelizzazzjoni Ġdida.

Fil-preżenza ta’ tliet isqifijiet u kardinal, l-Isqof Charles Scicluna faħħar il-ħidma li wettaq Monsinjur Cremona. Qal li huwa bata meta l-poplu ħa deċiżjoni kontra t-tagħlim ta’ Kristu iżda sostna li l-preżenza ta’ Monsinjur Cremona dewwiet u fejqet ħafna nies. Innota wkoll il-kapaċità ta’ Monsinjur Cremona li qal qawwa lill-batut u mexxa l-merħla bil-ġustizzja.

Fil-preżenza tal-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u anke l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, politiċi u dinjitarji oħra l-Isqof Scicluna faħħar lill-Monsinjur Cremona li rnexxielu jżomm relazzjonijiet tajba ħafna mal-Istat, l-aktar fil-kamp edukattiv.

Monsinjur Cremona kien ħa f’idejh it-tmexxija tal-Knisja Maltija fis-26 ta’ Jannar tal-2007 ġurnata qabel ma’ għalaq 61 sena u rriżenja mill-kariga fis-17 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Monsinjur Cremona ser jibqa’ mfakkar għall-ħeġġa pastorali li biha wettaq il-ministeru tiegħu.