Knisja Maltija
Il-Knisja mhix se torganizza purċissjonijiet matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li b’responsabbiltà lejn is-saħħa tal-poplu Malti fiż-żmien ta’ pandemija, il-Knisja f’Malta u Għawdex mhix ser torganizza pellegrinaġġi, purċissjonijiet u manifestazzjonijiet matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li l-Knisja tħeġġeġ lill-poplu Nisrani biex matul ir-Randan jisma’ l-Kelma ta’ Alla, jinġabar fit-talb u jagħmel karità. Qalet li l-Knisja timpenja ruħha biex permezz tad-diversi entitajiet tagħha tipprovdi opportunitajiet biex il-poplu Nisrani jkun jista’ jagħmel dan.

Qalet li se tibqa’ tevalwa s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u aktar ’il quddiem toħroġ direttivi dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l-liturġija tat-Tridu tal-Għid.

Temmet tgħid li l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iħeġġu lil kulħadd biex inkomplu nosservaw id-direttivi għall-ħarsien tas-saħħa biex tassew nieħdu ħsieb xulxin.