Knisja Maltija
Il-Knisja tagħti proprjetà għall-ewwel food bank f’Malta

Il-Knisja għaddiet proprjetà fil-Ħamrun li tifforma parti minn Dar Fra Diegu biex tintuża bħala maħżen għall-ikel tal-ewwel food bank f’Malta. Bi ftehim mal-Malta Food Bank Foundation, ikel żejjed se jinġabar hawnhekk biex jingħata lill-għaqdiet mhux governattivi li jqassmuh fost persuni foqra u dawk f’riskju ta’ faqar.

Fl-Ewropa, mat-88 miljun tunellata ta’ ikel fis-sena jintremew waqt li miljuni ta’ persuni – anke fl-Ewropa stess – m’għandhomx x’jieklu. Il-food banks fl-Ewropa li bħalhom dalwaqt jiftaħ f’Malta jqassmu l-ikel żejjed li jinġabar fost ohrajn mis-supermarkets lill-persuni li m’għandhomx l-mezzi biex jixtru x’jieklu.

Fil-maħżen fi Fra Diegu bħalissa għaddej xogħol, fost oħrajn bit-twaqqigħ ta’ dawn il-ħitan, biex minn hawn u ftit taż-żmien ieħor jibda jitħaddem l-ewwel food bank f’Malta.

Il-Knisja f’Malta għaddiet din il-proprjetà għal żmien definit lill-Malta Food Bank Foundation, li se tmexxi l-ewwel food bank f’Malta. L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fisser dan il-ġest bħala mod ieħor kif il-Knisja qed twieġeb għar-realtà tal-faqar.

Mons. Joseph Galea Curmi qal “hija xi ħaġa li tmur proprju fil-linja tal-ħidma tal-Knisja, li tgħin lil dawk kollha li huma fil-bżonn.”

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Irene Schembri qalet li huma se jitolbu kumpanijia li jimpurtaw l-ikel, lukandi u supermarkets biex joffru ikel li jkun se jintrema għax fost oħrajn ikun qed toqrob id-data tal-iskadenza.

Irene Schembri qalet “ikun anzi fi stat tajjeb ħafna. Aħna ma nistgħux inqassmu ikel li ma jkunx fi stat tajjeb jiġifieri mhux xi ħaġa li armejtha u tajtha lilek. Ċertament li dak mhux aċċettabbli assolutament.”

Hija għamlitha ċara li l-food bank qatt ma jagħti l-ikel direttament lil min hu fil-bżonn, imma ser jaghmlu dan mal-ħmistax-il għaqda li jaħdmu ma’ dawn il-persuni. Spjegat li b’din l-inizjattiva barra li ser tgħin persuni li ma jistgħux jixtru l-ikel ser isservi wkoll skopijiet oħra.

Irene Schembri qal ” jindirizza l-problema tal-ħela tal-ikel u l-oħra huwa li jikkontribwixxi fuq l-environment ta’ madwarna.”

Is-Sinjura Schembri qalet li dan il-proġett qed isir bl-appoġġ tal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks li se tkun qed isegwi l-mod kif se jitħaddem il-food bank f’Malta.