Lokali
Il-Knisja tfakkar il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù

Għall-Knisja Kattolika l-qofol tat-tifkira tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù ntlaħaq kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar fil-knejjes kollha, bir-rakkont tal-Passjoni skont l-Evanġelista San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib, u t-Tqarbin. Minn għadd ta’ knejjes imbagħad ħarġu l-purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgha l-Kbira. TVM illum kien ix-Xagħra Għawdex, waħda minn erba’ lokalitajiet fil-gżira Għawdxija, li joħorġu l-purċissjonijiet tal-Ġimgha l-Kbira.

Artal imneżża’ għalkollox, mingħajr salib, gandlieri u tvalji. Hekk ikun l-artal fil-knejjes illum – il-Ġimgħa l-Kbira. Sa minn sekli ilu l-Knisja fakkret il-ġrajja tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù Kristu b’solennità kbira. Matul il-ġurnata ma jkunx iċċelebrat quddies, bl-Insara mħeġġa jinġabru fil-knejjes għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar għal ċelebrazzjoni kkaratterizzata mill-ġabra u s-sempliċità. Fil-bidu tal-funzjoni il-Kappillan u s-saċerdoti jinżlu minn tulhom mal-art b’sinjal ta’ qima, bin-nies ingħaqdu fit-talb fis-skiet.

Issegwi l-liturġija tal-kelma li nkludiet il-qari tal-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù skont San Ġwann. L-Evanġelista San Ġwann jirrakkonta l-Passjoni tal-Mulej differenti mill-oħrajn u juri kif Ġesù wara li aċċetta minn idejn il-Missier dak li kellu jgħaddi minnu, jirbaħ fuq id-dnub u l-mewt. Il-mument ċentrali fil-funzjoni l-Adorazzjoni tas-Salib. Iċ-ċelebrant iħabbar għal tliet darbiet li din hija l-għuda li fuqha ġie msallab is-Salvatur tad-dinja – u hawn fejn il-kongregazzjoni tinżel għarkupptejha b’qima lejn is-Salib Imqaddes.

Wara li jintwera s-Salib, in-nies tersaq lejn ix-xbieha ta’ Ġesù msallab mejjet u jbusuh b’qima. Fuq l-artal tintrama tvalja waħda u mill-artal tar-ripożizzjoni jinġieb is-Sagrament għar-rit tat-tqarbin li bħal-lum isir biss f’dan il-mument. Il-funzjoni tintemm bit-tqarbin, b’talba qasira u mingħajr kant biex kulħadd jinġabar fis-skiet fit-tifkira tal-mewt li ġabet is-salvazzjoni lid-dinja.

Il-qofol tal-ġurnata tal-lum intlaħaq illejla fejn minn għadd ta’ knejjes ħarġu l-purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgha l-Kbira – 12 f’Malta u 4 f’Għawdex – li jirrappreżentaw il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Filmat imxandar minn TVM kien strumentali biex tliet ‘bouncers’ instabu ħatja li weġġgħu gravi lil żewġt irġiel f’Paceville. Fil-ftuħ tas-sentenza l-Maġistrat Joseph Mifsud iddikjara li l-każ kien wasal quddiem il-Qorti wara…

Qorti

Mill-investigazzjoni nstab li Lorin Scicluna kellu erba’ armi tan-nar reġistrati f’ismu fosthom waħda tad-9 millimetri. Qabel ħadu lil Lorin id-Depot, il-Pulizija marru sad-dar tiegħu u minn taħt is-sodda ġew elevati…

Qorti

Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud li qal li għall-ħabta tal-23:10 seħħet sparatura fi Triq tal-Ġebel li fiha kien hemm persuna maqtula u tnejn oħra midruba. L-Ispettur Arnaud qal li…

Qorti

Fil-Qorti, bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra ż-żewġ suldati akkużati bil-qtil fis-6 ta’ April li għadda ta’ Lassine Cisse Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju. Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn…

Aktar