Knisja Maltija
Investiment mill-Knisja jwassal għal żbilanċ minkejja ż-żieda fl-għotjiet

Matul is-sena li għaddiet il-ġbir fil-paroċċi u d-donazzjonijiet lill-Knisja żdiedu għat-tieni sena nfila, iżda ma kinux biżżejjed, tant li l-Arċidjoċesi ta’ Malta temmet is-sena bi żbilanċ ta’ €137,000.

Waqt it-tħabbir tar-riżultati finanzjarji tal-knisja f’Malta għall-2018, intqal li d-defiċit hu riżultat ta’ żieda sostanzjali fis-sussidji għad-djar tal-anzjani tal-Knisja u għas-salarji ta’ aktar ħaddiema full-time.

Fl-2018 l-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat żbilanċ ta’ €137,000; b’kuntrast mas-surplus ta’ €370,000 is-sena ta’ qabel.

Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport finanzjarju għall-2018, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross qal li l-iżbilanċ hu riżultat ta’ żieda ta’ kważi €3.41 miljun fl-infiq, li hu dovut l-aktar għal żieda fir-restawr tal-patrimonju ekkleżjastiku u żieda ta’ 62 impjegat full-time, aktar minn nofshom fid-Dar tal-Providenza.

“Ma jinkwetanix għaliex saru ħafna investimenti, sar ħafna xogħol ta’ restawr u konservazzjoni, żidna l-ħaddiema u allura żdiedu s-salarji u kellna żieda ta’ kważi miljun ewro fis-sussidji li kważi nofshom marru għad-djar tal-anzjani li tant għandna bżonn ninvestu fihom biex ikunu aġġornati għall-istandards nazzjonali tal-lum.”

B’kollox, l-Arċidjoċesi tinkludi aktar minn mitt entità u timpjega 1,200 persuna. Dawn ma jinkludux l-impjegati fl-iskejjel tal-Knisja. Is-Sur Pace Ross qal li l-Arċidjoċesi ħallset €1.38 miljun f’taxxa.

Fir-rapport finanzjarju ġew innuttati xejriet oħrajn, fosthom żieda marġinali fil-ġbir mill-parroċċi u d-donazzjonijiet lill-Knisja fl-2018 u żieda ta’ €400,000 mill-attivitajiet ta’ fund raising li ġew organizzati.

Is-Sur Pace Ross ippreżenta wkoll ir-riżultati finanzjarji tal-Kurja tal-Arċisqof li rreġistrat żbilanċ ta’ €1.38 miljun wara t-tqassim tas-sussidji ta’ kważi €1 miljun, fosthom għad-djar tal-anzjani fejn jgħixu 353 persuna. Fl-istess waqt, qal li naqas is-sussidju għas-servizzi tal-media tal-Knisja u għall-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ħabbar li ftit tal-jiem ilu ġie ffirmat ftehim ġdid mal-Gvern li se jgħin biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż għat-tmexxija tad-djar tal-anzjani.

Il-preżentazzjoni tar-riżultati finanzjarji saret f’Dar Ġesu Nazzarenu ż-Żejtun, fejn għaddejjin xogħlijiet biex tilqa’ xelter għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Dan se jieħu post dak f’Dar Qalb ta’ Ġesu fil-Ħamrun li se tinbidel f’kumpless tal-kura paljattiva mmexxi minn Hospice Malta.

Yvonne Mallia, Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ qalet li x-xelter se jilqa’ 33 persuna. “Biex inkunu nistgħu nilqgħu 9 familji hawnhekk, nisa bit-tfal tagħhom li jkunu għaddew minn esperjenza ta’ vjolenza domestika u li jkunu ħadu deċiżjoni li jixtiequ ikomplu mexjin ‘il quddiem billi ma jmorrux lura fil-familji fejn kienu qegħdin jgħixu, u aħna f’dan il-programm ngħinuhom biex jerġgħu jibnu l-ħajja tagħhom u jiksbu l-indipendenza.”

Ix-xogħlijiet mistennija jiswew man-nofs miljun ewro u għandhom jitlestew fi żmien sitt xhur oħra.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Tlesta proġett ta’ restawr tal-pittura tas-saqaf fil-Kappella dedikata lill-konversjoni ta’ San Pawl fil-Wied ta’ Birkirkara. Din kienet saret mill-artist Ġużeppi Briffa waqt li r-restawr sar mill-kumpanija Atelier Del Restauro. Ir-restawr…

Qorti

Dr Manfred Galdes li kien Kap Eżekuttiv tal-FIAU, qal li n-nuqqas ta’ riżorsi fit-taqsima tal-Pulizija dwar ir-reati ekonomiċi kienet qed tagħmel ix-xogħol tal-FIAU inutli. Spjega li r-rapporti li l-FIAU kienet…

Saħħa

Fiċ-Ċina, tliet persuni mietu u iżjed minn 200 oħra jinsabu morda, wara li ħakimhom mikrobu ġdid li qed jissejjaħ novel coronavirus. F’kummenti lil TVM, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci,…

Kronaka

Raġel ta’ 22 sena weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur fi Vjal Sir Paul Boffa, f’Raħal Ġdid għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar. Il-Pulizija qalet li l-ġuvni, li jgħix Ħ’Attard, kien qiegħed isuq il-mutur tat-tip…

Aktar