Lokali
Il-KNK b’mozzjoni biex il-kittieba Maltin jitħallsu għal xogħolhom

Illum ittella’ l-ewwel Kungress Nazzjonali tal-Kittieba f’Malta, fuq inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK). L-għan ewlieni ta’ dan il-Kungress kien il-preżentazzjoni ta’ żewġ mozzjonijiet li ressaq il-KNK u li fuqhom ittieħed vot:

  1. Abbozz ta’ Proposti dwar id-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba
  2. Tiġdid minn Liġi Sussidjarja għal Att tal-Parlament

Fi stqarrija, il-KNK qal li l-ewwel mozzjoni tfasslet wara serje ta’ laqgħat mal-awturi li l-KNK kellu tul dawn l-aħħar xhur u tirrigwarda d-dħul finanzjarju tal-kittieba. Spjega li l-mozzjoni dwar Abbozz ta’ Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba tirrikonoxxi d-dritt li l-awturi jitħallsu tax-xogħol tagħhom, u sservi ta’ gwida ċara lill-Gvern fil-politika tiegħu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE 2019/790 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet relatati mas-Suq Uniku Diġitali. Intqal li dil-mozzjoni ġiet approvata b’mod unanimu mill-kittieba, li jinkludu l-approvazzjoni bil-kitba ta’ 75 awtur li ma setgħux jattendu. Ħadd ma vvota kontra.

It-tieni mozzjoni tiddikjara li l-Leġislazzjoni Sussidjarja għat-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb tiġi mġedda f’Att tal-Parlament sabiex tissaħħaħ l-awtonomija tiegħu. Intqal li l-mozzjoni ġiet approvata wkoll b’mod unanimu, u ħadd ma vvota kontra.

Fid-diskors tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, Mark Camilleri enfasizza li t-tisħiħ ekonomiku tal-awtur u t-tkabbir tal-industrija tal-kotba jikkontribwixxu  għar-rinaxximent tal-letteratura lokali u l-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà, u għalhekk it-tisħiħ ekonomiku tal-industrija tal-kotba huwa wkoll ta’ importanza nazzjonali.

Ara: L-ewwel mozzjoni 

Ara: It-tieni mozzjoni