Il-KNPD stħarrġet aktar minn 300 każ ta’ diskriminazzjoni fuq diżabilità

Id-diffikultajiet ta’ aċċessibiltà  għal persuni b’diżabilità f’postijiet pubbliċi għadhom jippersistu anki jekk il-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità issa ilha snin b’seba’ għajnejn biex tindirizza dawn is-sitwazzjonijiet ta’ żvantaġġ kbir għal persuni bi problema ta’ mobilità.

Fil-pjazza taż-Żejtun quddiem il-knisja parrokkjali kemm parkeġġ apposta għal persuni b’diżabilità,  iżda Gaetano Mangion, li għandu martu fuq siġġu tar-roti isostni li dan mhux biżżejjed.

“Meta jien nipparkja hawn f’tad-‘disable’, biex iniżżel lill-mara u nitla’ għall-knisja ma nistax. Irid indur dik id-dawra s’hemm fuq, sal-kantuniera l-oħra indur id-dawra kollha hekk u nerġa’ niġi għal ħdejn il-bieb tal-knisja. Dak aħna biex dawk iż-żewġ tarġiet jaraw kif se jagħmlu jew jagħmlu rampa,” spjega Gaetano Mangion.

Is-Sur Mangion, spjega li biex persuna fuq siġġu tar-roti titla’ fuq iz-zuntier ikollha ddur il-pjazza kollha minn qalb il-karozzi, sakemm isib l-ewwel rampa żgħira fil-ġenb tal-knisja.

Huwa ilmenta li t-talba tiegħu biex isir din ir-rampa waqgħet fuq widnjen torox għax wara kważi sentejn li matulhom saħansitra kellem lill-Arċisqof iżda baqa’ ma sar xejn.

Dan huwa wieħed mill-ilmenti li għandha quddiemha l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. tvm.com.mt hu infurmat li t-Taqsima tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Kummissjoni qed tevalwa rapport li fl-aħħar jiem irċeviet min-naħa tal-knisja parrokkjali taż-Żejtun biex isir rampa fuq iz-zuntier.

Victoria Grech, ‘Assistant Manager’ tat-Taqsima Opportunitatijiet Indaqs qalet li s-sena li għaddiet il-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità ħadmet fuq 314-il każ ta’ diskriminazzjoni minħabba d-diżabilità. Mija, sebgħa u disgħin minnhom kienu ilmenti dwar nuqqas t’aċċessibilità, l-aktar fuq il-bankini.

Victoria Grech spjegat li wara kull ilment jintbagħat ‘Technical Officer’ tal-Kummissjoni biex jiddentifika n-nuqqas ta’ aċċessibilità li jkun hemm.

“Once li imbagħad it-‘technical officer’ iħejji rapport iddettaljat dar-rapport jintbagħat lill-entità konċernata. Imbagaħd nibagħtulhom għall-kummenti tagħhom aħna dejjem u nitolbuhom biex jibagħtulna r-risposta tagħhom fi żmien stipulat, żmien ta’ ġimgħa. Wara li jgħidulna l-pjani meta bankina se ssir aċċessibbli u aħna naraw hix raġonevoli jew le,” qalet Victoria Grech.

Il-Kummissjoni tibqa’ ssegwi l-każ biex tassigura li x-xogħlijiet ikunu saru skont ir-rekwiżiti tagħha.

Fl-aħħar tliet snin il-Kummissjoni ressqet tmien każijiiet l-Qorti. Fost il-każijiet li qed jinstema bħalissa hemm dak li ppreżentat konta l-Assoċjazzjoni tal-Football minħabba li m’hemmx aċċess adegwat għal persuni b’diżabilità fil-ground nazzjonali ta’ Ta’ Qali.