Lokali
Il-kollegi ta’ Dan jgħidu li fejn sar l-inċident ma kinitx triqtu

Fi ftit sigħat inġabru l-flus meħtieġa biex il-katavru ta’ Dan Udrea, ir-Rumen li miet wara li siġra waqgħet fuq il-vettura li kien qed isuq fil-maltempata tas-Sibt, jintbagħat ir-Rumanija għall-funeral u d-difna. Iż-żewġ sorsi ta’ ġbir ta’ fondi bl-internet qed ikomplu jilqgħu donazzjonijiet li se jingħataw lill-armla tal-vittma li għadha rikoverata l-isptar.

L-għodwa tat-Tnejn kienet iebsa aktar mis-soltu għall-kollegi ta’ Dan Udrea, li kmieni s-Sibt filgħodu tilef ħajtu traġikament f’inċident skerz u mill-aktar sfortunat, ftit metri ‘l bogħod mill-post tax-xogħol.

Dan Udrea beda jaħdem mal-kumpanija Connect Services ħames snin ilu bħala courier, u dan l-aħħar inħatar supervisor b’responsabilità għal erbatax-il ħaddiem, li ddeskrivewh bħala bniedem impekkabbli, ħabib u blata tal-kumpanija.

“Kif sirna nafu bl-aħbar ma xtaqtx nidħol għax-xogħol, emmini, għax biex tidħol hawnhekk bl-ambjent ta’ familja li aħna u ssibu nieqes mhux qiegħed hawnhekk, qisek tgħid vera qed jiġri,” qal Philip Zammit.

“Dejjem kien qiegħed hemm jgħinna, dejjem ħdimna flimkien, qassamna x-xogħol flimkien, fejn kien hemm problema dejjem dar magħna biex jgħin,” qal Napoleon Baldacchino. “Għalina kien il-qofol ta’ kollox hux għall-kumpanija u ħabib kbir kien ukoll,” fisser Kevin Axisa.

“Tlifna pedina kbira mill-katina tagħna tal-couriers. Ma nafx kif se tkun il-kumplament tal-ġurnata tax-xogħol illum speċjalment – l-ewwel ġurnata mingħajru – ħa tkun iebsa ħafna,” qal min-naħa tiegħu Antoine Farrugia.

Mart Dan, Irina, li ndarbet fl-istess inċident, bdiet taħdem mal-istess kumpanija ftit tal-ġimgħat ilu. Hija tagħmel xogħol klerikali. Kollegi li tkellmu magħha qalu li għadha rikoverata l-isptar minħabba ġrieħi u ksur f’wiċċha.

Nhar is-Sibt filgħodu, Dan u martu Irina kienu fi triqithom għax-xogħol. Kollegi tagħhom irrimarkaw li s-soltu huma ma jgħaddux minn dik it-triq, billi mill-Mosta jiġbdu lejn Ħ’Attard, għall-by-pass tal-Imrieħel u jidħlu fiż-żona industrijali. Jissuspettaw li qabel ix-xogħol, Dan mar jieħu l-fuel minn pompa tal-petrol.

“Is-Sibt filgħodu kellna niltaqgħu għax-xogħol kumbinazzjoni, jien kelli nwassal lil ħija l-airport, għax is-soltu niġi niftaħ fis-6am, għedtlu biex jiġi naqra iżjed tard u s-soltu hu ma jgħaddix minn hemmhekk. Kif ġejt lura ovvjament Dan ma kienx qiegħed hawn, u aħna konna mwerwrin x’ġara u ma ġarax, ma konniex nafu x’ġara minnu, u bdejna nċemplulu u ovvjament ma bediex iweġibna,” qal Jason Muscat.

Qabel il-bidu ta’ ġimgħa oħra ta’ xogħol, wieħed mill-kollegi ta’ Dan poġġa bukkett fjuri fil-post tal-inċident fi Triq Notabile, l-Imrieħel, b’messaġġ f’isem sħabu l-ħaddiema kollha. Tislima u rispett lil Dan li għalihom, aktar minn kollega tax-xogħol, kien ħabib.

Il-kumpanija, sħabu l-ħaddiema, u anke klijenti, ħarġu flus biex il-funeral ta’ Dan isir f’art twelidu. Apparti l-ġbir ta’ fondi mill-komunità Rumena f’Malta, l-istaff tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar Mater Dei ħa l-inizjattiva biex il-katavru ta’ Dan jintbagħat ir-Rumanija għad-difna. Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar, Ivan Falzon, qal li f’anqas minn tnax-il siegħa l-mira intlaħqet, bid-donazzjonijiet se jibqgħu miftuħa u se jingħataw lill-membri tal-familja Udrea.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Matul il-lejl, grupp ta’ 61 immigrant mistennija jiddaħħlu Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma. Stqarrija tal-Forzi Armarti qalet li ċ-ċentru tal-kordinazzjoni tas-salvataġġ Maltiillum tard waranofsinhar kien…

Infrastruttura

Il-pontijiet li jaqsmu l-ibliet u jħaffu t-traffiku huma meħtieġa iżda l-manutenzjoni tagħhom hija daqstant importanti biex jiġu evitati diżgrazzji. Ftit tal-ġimgħat ilu Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-Pont…

Ambjent

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li…

Aktar