Stejjer Umani
Il-komiku Joe Debono f’mument serju – jiżvela li għandu l-ALS

Il-pubbliku mdorri jara lill-komiku Joe Debono, magħruf aħjar bħala James Bondin, jiċċajta. Iżda f’intervista emozzjonanti, Debono żvela li qed ibati mill-kundizzjoni tal-ALS.

Meta kien qed jiġi intervistat waqt Xarabank, il-programm li Debono deher fih għal bosta snin, huwa spjega kif minn Jannar ‘l hawn ħajtu nbidlet, għax spiċċa ma jistax juża jdejh u għalhekk ħafna affarijiet ma jagħmilhomx.

Irrakkonta kif is-sena l-oħra kien qed jilgħab it-tennis, u beda jbati biex joħroġ il-blalen mill-but. Meta waqa’ u ma rnexxilux jilqa’ b’idejh induna li hemm xi ħaġa ħażina, u wara ħafna testijiet u operazzjoni f’għonqu minħabba nerv maqrus, baqa’ ma rkuprax, u hemm indunaw li għandu l-ALS.

Jgħid li l-mewt ma tbeżżgħux, imma jiddejjaq li jitfa’ piż fuq ħaddieħor minħabba l-kundizzjoni tiegħu, fejn martu u uliedu diġà qed jieħdu ħafna paċenzja bih.

Debono qal li eventwalment x’aktarx se jiġi bżonn residenza bħal Dar Bjorn. Qal li lil Bjorn jammirah, mhux biss għal dak li qed jagħmel miegħu, imma anki ma’ nies oħra.