LGBTIQ
Il-komunità LGBTIQ tistenna leave għall-IVF u uniformi komuni għall-pulizija

Lejlet il-Pride March, il-ħidma li saret s’issa fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ ġiet diskussa f’konferenza li matulha ntqal fost oħrajn li mindu nbidlet il-liġi diġa kien hemm disa’ adozzjonijiet minn koppji tal-istess sess.

Il-konferenza ddiskutiet ukoll miżuri oħra li jridu jsiru fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

Disat itfal ġew addodati minn koppji tal-istess sess mindu għaddiet il-liġi biex dawn ikunu jistgħu jadottaw. Dan ħareġ minn konferenza dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bit-tema lejn l-ugwaljanza sħiħa għal persuni LGBTIQ fuq livell nazzjonali u globali.

Il-konferenza ħarset lejn il-progress fl-istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u l-ħidma li saret f’diversi oqsma, fosthom fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fil-ħajja tal-familja, fl-infurzar, fl-immigrazzjoni u fis-soċjetà ċivili.

Il-Kap tal-unit LGBTIQ Gabi Calleja, qalet li l-Gender Wellbeing Clinic tratta mal-mitt każ u tħarrġu aktar minn 500 pulizija fuq ir-reati u diskorsi ta’ mibegħda.

Qalet li mistennija dalwaqt tibdiliet fil-liġi biex il-persuni LGBTIQ ikollhom dritt huma ukoll għal leave meta jagħmlu l-IVF, kif ukoll uniformijiet komuni għall-pulizija nisa u rġiel.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Edward Zammit Lewis, qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem favur l-ugwaljanza f’kull aspett. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jibda t-tieni qari fil-Parlament fuq żewġ abbozzi ta’ liġijiet , wieħed biex jipprojbixxi d-diskriminazzjoni u jippromwovi l-ugwaljanza u l-ieħor biex titwaqqaf il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

“Dawn huma abbozzi ġodda u avvanzati ħafna fil-prinċipji tagħhom fejn jagħmlu l-ugwaljanza dritt fundamentali tal-bniedem u allura se jkollna aktar saħħa ‘l quddiem biex nimxu.”

Il-Ministru Zammit Lewis kkundanna l-ħruq tal-bandiera tal-qawsalla li tella l-kunsill lokali ta’ Ħal Balzan u qal atti bħal dawn mhux se jwaqqfu l-pajjiż milli jimplimenta miżuri favur l-ugwaljanza.

Intant bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-LGBTIQ, Triq it-Torri f’Tas-Sliema saret l-ewwel triq f’Malta li tissimbolizza d-diversità. Fuq inizjattiva tal-privat bl-appoġġ tal-Gvern Centrali u tal-Kunsill Lokali, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, inżebgħa disinn ta’ mewġ bil-kuluri tal-qawsalli fit-triq. Dan sar bil-ħsieb li jfakkar lil kull minn jgħaddi minn din it-triq biex iħaddan aktar l-ugwaljanza, id-diversità u t-tolleranza.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

L-Oppożizzjoni qalet fi stqarrija li se titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi biex jinvestiga b’urġenza l-għoti tal-hekk imsejħa “golden handshake” lill-uffiċjali biex jirriżenjaw mill-impjieg. Dan wara, fost oħrajn, il-protest ġudizzjarju li…

Turiżmu

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li daħlu Malta f’sena abbord cruise-liner mistenni jintlaħaq din is-sena. Bi kważi disa’ mitt elf passiġġier, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li l-2019…

Immigrazzjoni

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja ġew diskussi fl-ogħla livell f’taħditiet f’Ruma bejn il-President George Vella u l-President Sergio Mattarella propju fl-istess ħin li fuq il-baħar kienet għaddejja kwistjoni oħra…

Kronaka

Raġel weġġa’ gravi f’inċident f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq Delimara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 36 sena li jgħix il-Kalkara kien qed…

Aktar