Il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa tilqa’ l-miżuri tal-budget

Il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa (MCWO) innutat b’sodisfazzjoni numru ta’ proposti li ilha tressaq għal dawn l-aħħar snin sabu posthom fil-budget għas-sena d-dieħla b’mod partikolari dawk li jinċentivaw lin-nisa biex joħorġu jaħdmu.

Fi stqarrija ffirmata miċ-Chairperson tal-MCWO Lorraine Spiteri, l-konfederazzjoni faħħret is-suċċess li kellha l-iskema taċ-Childcare b’xejn u li din se tkun estiża għax qalet li l-kura tat-tfal huwa ostaklu fejn tidħol deċiżjoni t’omm jekk toħroġx taħdem jew le.

L-MCWO laqgħet fost oħrajn il-miżura dwar il-fond għal-leave tal-maternità li se jinqasam bejn kull min iħaddem u mhux biss mill-employers li l-ħaddiema nisa tagħhom ikunu bil-leave tal-maternità, għax b’hekk spjegat il-konfederazzjoni, tonqos il-possibilità li ssir diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema nisa.

Miżuri oħra li faħħret l-MCWO hemm iż-żieda fil-benefiċċju tal-maternità, żieda għan-nisa self-employed li joħorġu bil-leave tal-maternità, ż-żieda fil-ġranet tal-leave għal min jadotta u €400 għal familjli bit-tfal fil-linja tal-faqar fost miżuri oħrajn.

Il-Konfederazzjoni tirrapreżenta 14-il għaqda tan-nisa li bejniethom għandhom mal-24,000 membru nisa. L-MCWO hija membru fil-lobby tan-nisa Ewropej ibbażat fi Brussel.