Lokali
Il-konsorzju li se jkabbar iċ-ċimiterju tal-Addolorata se jintgħażel sa tmiem is-sena

Il-Ministeru tas-Saħħa qed jippjana biex il-konsorzju li se jwettaq il-proġett tal-estensjoni tal-Addolorata jkun magħżul sal-aħħar tas-sena. Fl-istess waqt diġà bdew il-konvenji għall-bejgħ ta’ qrib tliet elef qabar ġdid għall-prezz ta’ €8,000 il-wieħed. Il-konsorzju magħżul se jkun responsabbli wkoll għar-restawr u l-operat taċ-ċimiterju għal perjodu ta’ 15-il sena.

Wara ħajt fil-ġenb tad-daħla għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata, min-naħa ta’ Santa Luċija, hemm medda kbira ta’ art li parti minnha hi mimlija b’tunellati ta’ terrapien. Għal din l-art fiż-żona magħrufa bħala “tal-Ħorr” hemm il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbnew 2,880 qabar li se jiżdiedu mas-16,000 qabar li hemm fl-Addolorata. Skont il-permessi, l-estensjoni se żżomm mal-istil tal-bqija taċ-ċimiterju li nbena fuq il-pjanti tal-Perit Emanuel Luigi Galizia.

Sina Bugeja, responsabbli minn proġetti speċjali fil-Ministeru tas-Saħħa, spjegat li hemm erbgħa konsorzji li ssottomottew id-dokumenti kollha u bħalissa qed issir l-evalwazzjoni tagħhom bit-tir li l-konsorzju magħżul ikun identifikat sal-aħħar tas-sena.

Il-Kap Eżekuttiv Proġetti Speċjali Ministeru tas-Saħħa, Sina Bugeja qalet li “bħalissa qed naraw dik li ngħidulha l-best and final offer li tawna, li tkopri dak kollu li jixtieq il-gvern jagħmel mill-Addolorata”.

Sina Bugeja spjegat li minbarra l-estensjoni tal-Addolorata, il-privat se jkun qed jidħol għal responsabilitajiet oħra fosthom ir-restawr tal-kappella u l-ambjent taċ-ċimiterju li hu kunsidrat bħala ġawhra arkitettonika. Barra minn hekk, il-konsorzju magħżul se jingħata konċessjoni ta’ 15-il sena biex f’dan il-perjodu jkun responsabbli mit-tmexxija u l-operat tal-akbar ċimiterju f’Malta. Dan jinkludi l-manutenzjoni u l-ġardinaġġ.

Il-proġett jeħtieġ investiment ta’ bejn €18 u 20 miljun, bil-Gvern se jobbliga lill-konsorzju magħżul li jonfoq mhux anqas minn sitt miljun Ewro għar-restawr.

Minkejja li l-bini tal-oqbra l-ġodda għadu ma bediex, il-Gvern beda jiffirma l-konvenji mas-sidien prospettivi. Is-Sinjura Bugeja spjegat li hemm lista b’aktar minn 4,000 persuna li tul is-snin applikaw biex jixtru qabar fl-Addolorata u l-Gvern qiegħed jimxi magħha, b’min applika l-ewwel, jingħata l-preferenza.

Jiġifieri kull min imissu qed jiġi mgħajjat min-Nutar tal-Gvern, qed jiġi spjegat lilu x’inhi s-sitwazzjoni anke l-legal notice il-ġdida li tagħti l-prezz il-ġdid u qed jiġu ffirmati l-konvenji. Malli jkun lest ix-xogħol, jistgħu jibdew jitqassmu l-oqbra. Il-legal notice l-ġdida titkellem li kull qabar f’Malta sar jiswa €8,000: €4,000 jitħallsu mal-konvenju u €4,000 mal-bejgħ.

Iċ-ċimiterju għandu mal-150 sena u hu mibni fuq stil neo gotiku, bil-kappella ġiet konsagrata fl-1869.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ingħalaq għalkollox is-sub post office tal-Maltapost fi Triq Ċensu Busuttil fl-Iklin. Dan ħabbitu l-kumpanija Maltapost, li fi stqarrija qalet li l-klijenti li kienu jinqedew mill-Iklin issa jridu jmorru fin-Naxxar. L-uffiċċju…

Lokali

Il-Partit Laburista qal li dd-deputat tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, b’għemilu wera li ma jafx x’inhi governanza tajba. Fi stqarrija l-PL irrefera għall-mistoqsija parlamentari mwieġba lbieraħ, li qal uriet li fil-jum…

Lokali

Bejn Ġunju u Diċembru tal-2017, Transport Malta ħarġet total ta’ €144,475 f’multi li jikkoncernaw il-puntwalità u affidabilità lill-operatur tat-trasport pubbliku. Dan ħareġ wara li l-Ministru għat-Trasport Ian Borg wieġeb mistoqsija…

Lokali

65 persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin gawdew mis-sistema tal-parole fl-aħħar tliet snin. Dan intqal mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said. Il-Ministru Farrugia qal illi…

Aktar