Enerġija
Il-konsum tal-elettriku żdied iżda l-emissjonijiet naqsu

Is-sena li għaddiet, il-konsum tal-elettriku żdied bi 2.8 fil-mija, iżda l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku naqsu bit-3.6 fil-mija meta mqabbel mal-2017.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-produzzjoni tal-elettriku f’Malta juru li żdiedet il-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded u mill-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, filwaqt li naqset l-importazzjoni tal-elettriku permezz tal-interconnector.

Fil-fatt, l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, prinċipalment f’Delimara, ipproduċew kważi 68 fil-mija tal-provvista tal-elettriku. Kważi 8 fil-mija oħra kienu ġġenerati mis-sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, l-iżjed mill-panelli tax-xemx, waqt li l-importazzjoni mill-interconnector kienet ta’ ftit inqas minn 25 fil-mija tal-elettriku kollu ikkonsmat f’Malta u Għawdex.

L-istatistika turi li l-ġenerazzjoni mill-impjanti żdiedet b’aktar minn 19 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, waqt li l-enerġija li tiġġedded żdiedet b’aktar minn 15 fil-mija. Mill-banda l-oħra, l-elettriku impurtat bl-interconnector mill-Italja naqas b’aktar minn 29 fil-mija.

Id-domanda u l-konsum tal-elettriku s-sena l-oħra kienu l-aktar qawwija fit-tliet xhur bejn Lulju u Settembru.