Pulizija
Il-Korp b’teknoloġija ġdida biex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi

Il-Korp tal-Pulizija se jixtri għodod ta’ teknoloġija b’fondi Ewropej biex ikompli jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u biex jiġu identifikati gruppi kriminali. Mill-fondi se tibbenefika wkoll id-Dwana biex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-kuntrabandu.

Il-Korp tal-Pulizija se jixtri hardware u software li għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja bħal korruzzjoni u frodi. Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia qal li l-Korp kiseb kważi miljun ewro u nofs mil-fondi ewropej biex iwettaq proġett li bih fost oħrajn se jiċċentralizza informazzjoni li l-pulizija għandha b’mod sparpaljat. Fost oħrajn, il-proġett se jgħin fis-sorveljanza ta’ karozzi suspettużi u fl-investigazzjoni ta’ reati ekonomiċi.

Il-Ministru Farrugia qal ” ikollha feeders ukoll minn entitajiet esterni, mill-Korp tal-Pulizija biex il-Pulizija tkun aktar b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-kriminalità, speċjalment fis-settur ekonomiku, u apparti minn hekk tkun tista’ tipprevjeni, billi tkun tista’ taġixxi fl-iqsar żmien possibli.”

Is-Segretarju Parlamentari, Aaron Farrugia, qal li l-Korp tal-Pulizija japplika direttament għall-fondi Ewropej, f’kompetizzjoni ma’ Stati Membri oħra taħt il-programm Hercule III. Qal li l-fondi se jintużaw ukoll biex jitħarrġu uffiċjali tal-pulizija fl-użu ta’ din l-għodda teknoloġika.

Qal li l-Programm Hercule III huwa amministrat mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi, l-OLAF. Is-Segretarju Parlamentari qal li d-Dwana, kisbet €230,000 oħra f’fondi tal-UE li bihom se jiġu modernizzati l-vannijiet tal-X-ray li għandhom isaħħu l-kapaċità operattiva u teknika li jaqbdu l-prodotti ta’ kuntrabandu.