Pulizija
AĠĠORNAT: Il-korp tal-pulizija qed jinbidel: iniedi strateġija ta’ trasformazzjoni

Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jikseb iktar il-fiduċja tan-nies u jkun qed jadatta aktar skont l-esiġenzi tas-soċjetà tal-lum. Din hija l-viżjoni li għandu l-Korp skont kif imfassla fl-istrateġija mnedija llum li għandha l-għan li tbiddel il-Korp fi struttura iktar moderna fil-ħames snin li ġejjin.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li din l-istrateġija toħloq strutturi sodi biex il-Korp ma jiddependix fuq l-individwi, iżda fuq modi kif l-uffiċċjali tal-Pulizija jassiguraw soċjetà sigura għal kulħadd.

Fil-qalba tal-bidla li se jgħaddi minnha l-Korp tal-Pulizija hemm tliet elementi ewlenin: korp eqreb tan-nies, korp aktar professjonali u korp aktar fdat.

Fit-tnedija tal-istrateġija li għandha tirriforma l-Korp fil-ħames snin li ġejjin, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega li l-Pulizija se jaħdmu biex jirbħu l-fiduċja tan-nies. Qal li għalkemm fl-aħħar snin naqsu r-reati kriminali, żdiedet il-biża’ li jitwettqu.

“Aħna rridu li s-soċjetà Maltija tibqa’ waħda sigura però tibqa’ sigura jekk ix-xogħol tagħna nagħmluh in partnership mal-komunità u dak qed nisħqu aħna li s-servizz tagħna jkun wieħed professjonali, ikun servizz li jnissel fiduċja fin-nies,” qal il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Il-Kummissarju żied li dan diġà beda jitwettaq b’diversi inizjattivi bħalma hi l-preżenza ta’ aktar pulizija fil-komunità u kommunikazzjoni aħjar mal-pubbliku u mal-ġurnalisti. L-istrateġija taħseb li fost oħrajn tingħata protezzjoni lill-whistleblowers fi ħdan il-korp u li jsiru testijiet regolari għad-droga fuq il-membri tal-korp. Fi kliem il-Kummissarju, il-korp irid imexxi bl-eżempju.

Is-Sur Gafà qal li l-membri kollha fil-korp għandhom ikunu ffukati fuq xogħol polizjesk u x-xogħol li sal-lum għadu jsir mill-pulizija bħal tindif u tisjir jibda jsir minn individwi oħrajn. Qal li l-pulzija huma għatxana għall-bidla, imma rrikonoxxa li kull bidla se jkollha reżistenza.

“Irrid ukoll iġib bidla kemm interna fil-kultura tal-korp tal-pulizija u anke fil-kultura tan-nies hemm barra. Aħna n-nies ma rriduhomx jiġu biss biex jirrappurtaw il-każijiet però rridu wkoll iridu jiġu għandna biex niddentifikaw il-problemi tas-soċjetà biex flimkien nipprevjenu r-reati in the first place. Aħna ġurnata wara l-oħra rridu nersqu lejn il-viżjoni tal-korp li hija li jkollu l-fiudċja tan-nies biex is-soċjetà tkun sigura,” qal il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Iċ-chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi fil-korp tal-pulizija, il-Professur Saviour Formosa qal li x-xogħol fuq din l-istrateġija beda ħames snin ilu bil-għan li l-Korp tal-Pulizija jinbidel mas-soċjetà. Semma l-istrateġiji li saru fl-1997, fl-1999 u fl-2004 li qal fallew minħabba li r-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li din l-istrateġija toħloq strutturi sodi. Qal li jrid Korp li jkun mibni fuq l-istrutturi u mhux l-individwi, għax l-individwi, tajbin kemm huma tajbini, jiġu u jmorru. Emfasizza r-rieda tal-Gvern li jġib il-bidla fil-Korp u saħaq li kien għalhekk li l-gvern ippubblika d-dokument għax ma jiddejaq xejn li jinżamm kontabbli fuq dak imwiegħed.

Għat-tfassil ta’ din l-istrateġija nkisbu fondi Ewropej u kienet involuta l-kumpanija ta’ konsulenza PriceWaterhouseCoopers.

Aktar kmieni:

Il-korp tal-pulizija nieda l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tiegħu għall-ħames snin li ġejjin.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà qal li kuntrarju għal dokumenti u rapporti dwar strateġija għall-korp li saru fil-passat, din id-darba il-korp stess talab li ssir strateġija ta’ trasformazzjoni. Qal li  għal din l-istrateġija tfasslet b’għajnuna tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, u li b’hekk qed jintbagħat messaġġ f’livell Ewropew li l-korp tal-pulizija jrid jinbidel u jaddatta maż-żminijiet.

Il-Kummissarju Gafà qal li hemm 11-il għan ewlieni u 49 element fil-korp li jridu jinbidlu. Qal li jridu li l-korp jirbaħ il-fiduċja tan-nies u li l-pubbliku jafda lill-korp  tal-pulizija b’għajnejh magħluqa. Huwa rrikonoxxa li l-fiduċja tan-nies fil-korp naqset u żdiedet il-biża’ ta’ reati.

Żied jgħid li jrid li l-membri tal-korp  jemmnu fl-amministrazzjoni u jkunu kburin li jiffurmaw parti minn din l-organizzazzjoni u mhux daħlu għal-korp għax ma kellhomx alternattiva fejn imorru.

Il-Kummissarju qal li l-korp irid imexxi bl-eżempju u għalhekk fost oħrajn se jsiru testijiet regolari fuq il-membri tal-korp. Qal li jekk il-korp ma jkunx dixxiplinat ma jistax ikollu r-rispett tan-nies.

Qal li l-pjan hu membri tal-korp li qed jagħqdu rwoli ta’ koki u fattigi ma jibqgħux jagħmlu dan ix-xogħol u jibdew jagħmlu xogħol aktar polizjesk. Saħaq li jrid korp eqreb tan-nies mhux biss fiżikament.

Il-missjoni tal-korp hija li jipprovdi servizz professjonali u polizjesk u jiżgura s-sigurtà bi sħubija mal-komunità.