Lokali
“Il-kotba ma kinux għar-rimi” – il-Provinċjal tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri

Il-każ tal-kotba li lbieraħ ntlemħu mitfugħa bl-addoċċ fi trakk barra l-kunvent tal-Franġiskani fil-Belt qajjem agħa sħiħa u azzjoni mmedjata mill-awtoritajiet konċernati.

Il-Provinċjal tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri, Patri Richard Grech talab apoloġija għal kull min ħassu offiż iżda stqarr li l-kotba ma kinux għar-rimi u l-kuntrattur privat li tqabbad iġorrhom mill-Belt għal Baħar iċ-Ċagħaq kellu juża ferm aktar galbu.

Il-kotba issa jinsabu fil-kustodja ta’ Heritage Malta sakemm tkun stabbilita l-kundizzjoni u l-valur tagħhom bl-għajnuna ta’ arkivisti u professjonisti minn entitajiet oħrajn.

Fil-Bibljoteka tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri fil-Belt, il-Provinċjal Patri Richard Grech sostna li l-kotba antiki li qajmu agħa mill-publiku għax kienu jidhru li ser jintremew ma kinux għar-rimi anke jekk ingħatat din l-impressjoni mir-ritratti u filmati li ixxandru fuq tvm.com.mt u TVM.

Patri Richard Grech qal “dawk il-kotba fit-trakk kienu kotba li ma kinux posthom fil-bibljoteka tagħna imma fl-istess ħin riedna nsibulhom post, li ġie identifikat bħala Baħar iċ-Ċagħaq fejn għandna garaxxijiet hemmhekk fejn nistgħu nerfgħu dawn il-kotba ħalli l-Bibljotakarju tagħna Fr Noel meta jkun Malta għax jinsab imsiefer l-Art Mqaddsa jkun jista’ jagħżel bejn dawk li nistgħu nżomu u dawk li niddisponu minnhom”.

Wara li tvm.com.mt ippubblika r-ritratti mibgħut mill-persuna, krew ta’ Television Malta sab it-trakk li kien għadu bil-kotba wieqaf f’Birkirkara. Persuni qalu tul ir-rotta anke raw karti u kotba żgħar jtiru mit-trakk.

Madankollu Patri Richard qal li huma jgħożżu ħafna l-patrimonju u ma jarmux ktieb wieħed ta’ valur. Huwa esprima dispjaċir għall-kummenti dispreġġjativi kontra l-Provinċja u l-patrijiet fuq il-midja soċjali u stqarr li l-ġarr tal-kotba mill-kuntrattur li tqabbad minhom ma sarx bl-aħjar mod.

“Jiddispjċaini ngħid illi min kien qed iġorr il-kotba dawk kellhom isiru b’mod differenti minn kif fil-fatt saru. Il-ftehim kien li jitpoġġew bil-galbu ġo xkejjer ħalli nkunu nistgħu nġorruhom bil-galbu, apparentament min ried iġorrhom forsi qata’ qalbu mill-ammont ta’ kotba u beda jixħethom fit-trakk b’tali mod li min kien għaddej tah l-impressjoni li dawk kienu għar-rimi”.

Waqt li talab skuża għal kull min ħassu offiż b’dan il-każ, Patri Grech qal li apprezza ħafna l-intervent immedjat tal-Arċisqof Charles J. Scicluna u tal-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici li t-Tlieta filgħaxija stess ra li l-kotba jiġu trasferiti temporanjament għand Heritage Malta.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit qal li għalissa l-kotba se jinżammu fi kwarantina fil-Mużew Marittimu fil-Birgu sakemm l-esperti janalizzaw il-kundizzjoni tagħhom u bl-għajnuna tal-Knisja u l-Arkivji Nazzjonali jifhmu l-valur taghhom u x’jista’ jsir minnhom.

“Hemm minnhom illi m’għandhomx valur partikolari, biss però hemm minnhom li huma imprezzabbli fil-fehma tagħna bħal tal-istorja ta’ Ruma, l-istorja tal-Papa, l-istorja ta’ Ġerusalemm, u kollha datati fis-seklu sbatax jew tmintax”.

Sa issa għad mhux magħruf jekk il-kotba hux se jerġgħu lura għand l-Ordni Franġiskana Minuri. Li hu żgur – kif stqarr Patri Grech innifsu – dan il-każ wera kemm uħud mill-Maltin saru aktar sensittivi u konxji tal-konservazzjoni tal-patrimonju storiku, reliġjuż u kulturali.

Fost oħrajn, it-tmexxija tal-Librerji Pubbliċi qalet li bħala entità responsabbli mil-Librerija Nazzjonali ta’ Malta, għandha d-dmir tassigura l-kollezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt dokumentarju ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Malta Libraries qalet li qed tinvestiga u tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex tassigura li l-kotba u l-materjal f’dan il-każ jkunu irkuprati bl-aħjar mod u jsibu l-aktar dar xierqa għalihom.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Edukazzjoni

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li fl-operat mill-ġdid taċ-child care centres se jinstab bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa tat-tfal u l-operat ta’ dawn iċ-ċentri. Dr Bonnici qal li lest jikkunsidra ideat…

Aktar