Il-kredibità tal-Prim Ministru qed tintilef bis-sekondi – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li mhux aċċettabli li l-Prim Ministru jibqa jinħeba wara l-inkjesta fil-każ tal-isparatur mix-xufier tal-Ministru Mallia. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Gżira fejn seħħ l-każ, Dr Busuttil, qal li bid-dgħufija tiegħu l-Prim Ministru qed jitlef il-kredibitlà tiegħu fis-sekondi jekk jibqa’ ma jkeċċiex lill-Ministru Mallia.

Qal li l-Ministru Mallia għandu jitneħħa mhux biss għax seħħ attentat ċar ta’ ‘cover up’ iżda wkoll minħabba l-fatt li l-karozza tal-Iskoċċiż tneħħiet mill-post fuq ordni tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija qabel ingħatat l-ordni tal-Maġistrat inkwerenti.

Dr Busuttil wera tħassib għal fatt li x-xufier tal-Minsitru, li ma hemmx dubbju li spara fuq il-karozza tal-Iskoċċiż, għadu ma tressaqx il-Qorti minkejja li spara fid-direzzjoni ta’ persuna li seta qatilha.

Mistoqsi minn tvm.com.mt jekk hux qed jallega li l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija kien parteċipi f’allegazzjoni li qed jagħmel tal-‘cover up’, Dr Bustuill qal li s-suspetti tal-Oppożizzjoni hemm qiegħdin.

Qal li l-għada tal-inċident l-Aġent Kummisarju tal-Pulizija Ray Zammit daħal fil-Ministeru ta’ Manuel Mallia, u kien hemm preżenti wkoll Kurt Farrugia il-kap tal-kommunikazzjoni tal-Gvern. Dr Busuttil qal li se jħalli għall-konklużjoni tal-pubbliku sabiex jiġġudika jekk hemmx kompliċità tal-Aġent Kummisarju mal-Ministeru ta’ Manuel Mallia u l-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dr Busuttil qal li l-fatt li xufier ta’ Ministru spara fuq xi ħadd ma seħħx b’kumbinazzjoni iżda minħabba l-kultura li daħħal il-Gvern li jekk inti parti mil-Gverrn Laburista tista’ tagħmel li trid.