Lokali
Il-kriminalità f’Malta naqset b’7% fl-2018

Il-CrimeMalta Observatory qal li s-sena li għaddiet ir-reati kriminali f’Malta naqsu b’7% meta mqabbel mal-2017. Il-kriminologu, il-Professur Saviour Formosa qal li dan it-tnaqqis kien dovut l-aktar għax naqas bin-nofs il-pick pocketing u s-serq mill-bajjiet. Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia qal li t-tnaqqis fil-kriminalità qed iseħħ minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni u ż-żieda fit-turisti.

Skont ċifri miġbura minn CrimeMalta Observatory ibbażati fuq rapporti lill-Pulizija, is-sena li ghaddiet ġew irrappurtati 15,925 reat: 1,211 każ inqas mill-2017 u l-inqas fl-aħħar seba’ snin.

Waqt preżentazzjoni tar-riżultati, il-Professur Saviour Formosa qal li waqt li erbgħa minn kull għaxar rapporti huma dwar serq u kwart tar-rapporti huma dwar ħsarat bħal hit and run, ir-reati relatati mal-pick pocketing naqsu b’995meta mqabbel mal-2,144 każ fl-2017. Is-serq mill-bajjiet naqas b’46% waqt li r-reati tad-droga żdiedu bi 12%, l-offiżi sesswali bi 18%. u l-kazi ta vjolenza domestika zdiedu b’madwar 8%.

Il-kriminologu qal li t-tagħrif juri li qed jonqsu r-reati li jsiru fil-pubbliku – x’aktarx minħabba aktar prevenzjoni u preżenza akbar tal-Pulizija fit-toroq – u qed jiżdiedu reati ta’ frodi inkluz on line.

Prof. Saviour Formosa qal “però rajna tnaqqis kbir fil-vittmi ta’ taħt it-18-il sena waqt li fl-anzjani li nkwetatna ftit hu l-volum ta’ anzjani qed ibatu iktar minn frodi u jrid ikollna iktar awareness hemmhekk”.

Il-Professur Formosa nnota li ċ-ċifri tal-2018 huma sinifikanti għaliex ix-xejriet fil-popolazzjoni u t-turisti kellhom iwasslu għal żieda ta’ madwar 5,000 reat ieħor.

Ir-rati ta’ serq minn residenzi kienu l-ogħla f’Bormla, San Ġiljan u Ħal Għargħur waqt li s-serq mill-karozzi huma l-ogħla f’Marsaxlokk speċjalment minn karozzi tal-kiri tat-turisti. Isegwu l-Floriana u l-Marsa.

Mir-rapport joħroġ ir-rapporti ta’ reati fil-Belt Valletta qabżu dawk li saru f’San Ġiljan. Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar attribwixxa dan għall-preżenza akbar ta’ pulizija jgħid li f’Paceville li aktar min irdoppjaw. Qal ukoll li rdoppjaw ukoll r-riżorsi umani fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi sar qsim fir-responsabbilitajiet bejn il-frodi u l-ħasil ta’ flus.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia qal li t-tnaqqis fil-kriminalità jsaħħaħ id-determinazzjoni tal-awtoritajiet fil-glieda kontra l-kriminalità.

Michael Farrugia qal “flimkien mal-korp tal-Pulizija mill-analiżi li saret irridu naraw kif se nimxu ‘l quddiem, x’investiment irid isir u nkomplu niġġieldu l-kriminalità b’mod partikolari l-kriminalità organizzata”

Ir-rapport ta’ CrimeMalta Observatory juri li s-sena li għaddiet f’Malta saru medja ta’ 34 rapport għal kull 1,000 persuna waqt li l-medja fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 59 rapport għal kull elf persuna.

Aħbarijiet Oħra
Partit Laburista

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitlob inkjesta bil-Maġistrat fuq l-allegazzjonijiet li saru dwaru, li qed jimplikaw li hemm firem foloz tiegħu sabiex ikun…

Kronaka

Mara ta’ 59 sena tinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilfet il-kontroll tal-vettura tagħha. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4am fi Triq Santa Katerina, ix-Xewkija. Minn investigazzjonijiet preliminari illi saru mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta…

Lokali

2 persuni ġew arrestati wara li ntlemħu jaġixxu b’mod suspettuż viċin karozza fil-Gżira. Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-1.55am, il-Pulizija ġiet infurmata li żewġ persuni kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż viċin karozza…

Lokali

Stephanie Galea, omm ta’ żewġt itfal miż-Żurrieq hija r-rebbieħa ta’ Mrs Malta 2019. Galea ħadet sehem ilbieraħ filgħaxija fil-konkors Mrs Malta. Fl-ewwel kummenti rringrazzjat lill-familja kollha tagħha li tawha l-appoġġ….

Aktar