Lokali
“Il-kriminalità fost iż-żgħażagħ: kruċjali l-ġlieda kontra d-droga u l-kultura tal-flus”

Fil-fehma tad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, il-ġlieda kontra d-droga u l-kultura tal-flus huma kruċjali biex iż-żgħażagħ ma jaqbdux it-triq tal-kriminalità li studju juru li jekk jidħlu fiha minn kmieni, ikun diffiċli joħorġu minnha.

Tliet snin ilu, Malta kienet nediet l-ewwel strateġija tal-prevenzjoni tal-kriminalità li kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet biex tfal u żgħażagħ jevitaw karriera kriminali fosthom b’kollaborazzjoni attiva bejn ir-residenti, il-Gvern u organizzazzjonijiet privati u volontarji.

Skont riċerka akkademika u l-ewwel strateġija ta’ Malta tal-prevenzjoni tal-kriminalità għall-perjodu 2017 sal-2021, jekk persuna tibda fit-triq tal-kriminalità minn età żgħira, il-konsegwenzi tant kemm ikunu kbar li jkun ferm aktar diffiċli li jirriformaw.

Skont l-istess riċerka, bejn Jannar tal-2007 u Lulju tal-2015, fil-qrati Maltin ġew deċiżi 875 każ li kienu jinvolvu kriminalità minn adoloxxenti li kważi nofshom kellhom 15-il sena jew ftit aktar u kwart minnhom 14-il sena.

L-istrateġija pproponiet pjan ta’ azzjoni ta’ ħames snin bil-għan li jonqsu r-reati kriminali mwettqa miż-żgħażagħ u joħorġu mill-kriminalità għal kumplament ta’ ħajjithom. Ir-rakkomandazzjonijiet kienu jinkludu aktar pulizija fil-komunità u kollaborazzjoni attiva bejn esperti mid-Dipartiment tal-Probation u l-Paroli, il-Qorti, l-Edukazzjoni, l-Università u l-Aġenzija Żgħażagħ.

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi qal li jiddispjaċih ħafna li ż-żgħażagħ jissemmew biss meta jkunu involuti f’xi ħaġa negattiva għaliex argumenta li ż-żgħażagħ kollha huma tajbin. Stqarr li r-raġunijiet għaliex ftit minnhom jispiċċaw fil-kriminalità huma relatati mal-edukazzjoni, il-familja u l-kultura li nħolqot.

“Jew ghaliex huma parti mill-familja li għandha storja ta’ kriminalità allura inti x’taf iktar fil-ħajja tiegħek, jew minħabba raġunijiet patoloġiċi jew taħlita tat-tnejn jew minħabba sitwazzjoni fejn illum inti magħdud li għandek valur għax inti għandek il-ġid, il-flus u allura jekk m’għandekx minn dawn trid tara kif se tiġġenerahom,” qal id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi.

Il-Professur Azzopardi qal li l-istat u s-soċjetà jridu jagħmlu eżami tal-kuxjenza serju u janalizzaw għaliex żgħażagħ qed jiżgiċċawlna mis-sistemi edukattivi u soċjali li jeżistu u fi kliemu jispiċċaw fl-abissi tas-soċjetà.

L-akkademiku qal li waħda mis-soluzzjonijiet hija li l-imsieħba ewlenin jridu jwarrbu kollox u jaħdmu flimkien għal għan wieħed li jgħinu liż-żgħażagħ jevitaw id-droga li tista’ twassalhom għall-kriminalità u ma jiġux influwenzati mill-kultura tal-flus li tista’ twassal biex jinqabdu fix-xibka tal-kriminalità.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar