Edukazzjoni
AĠĠORNAT: Il-KSU jappella għal pjan alternattiv għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru f’Settembru

Il-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU esprima tħassib għax għad m’hemmx pjan alternattiv għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru f’Settembru. Fi stqarrrija l-KSU qal li s’issa l-eżamijiet għadhom se jsiru b’mod fiżiku fis-swali tal-eżamijiet, skont il-gwidi ppubblikati mill-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Qal li f’laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, il-KSU staqsa dwar x’miżuri straordinarji qed jiġu kkunsidrati fid-dawl tas-sitwazzjoni bħalissa. Żied li staqsa numru ta’ mistoqsijiet lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u lill-Ministru tas-Saħħa fosthom xi protokolli hemm fis-seħħ meta student jirriżulta pożittiv għall-Covid-19 wara li jkun għamel eżami.

Mistoqsijiet oħra jinkludu, x’inhuma l-kundizzjonijiet fid-dawl tar-rata ta’ trasmissjoni għall-istudenti biex jirritornaw l-università f’Ottubru u x’inhuma l-protokolli f’sitwazzjoni ta’ każijiet pożittivi fl-Università ta’ Malta.

Il-KSU qal li sal-lum dawn il-mistoqsijiet għadhom mhux imwieġba u l-inċertezza qed twassal għal ħafna ansjetà fost eluf ta’ studenti li bħalissa qed jippreparaw għall-eżamijiet biex jidħlu l-Università jew biex jipprogressaw fil-korsijiet tagħhom.

Il-KSU appella lill-Università ta’ Malta u lill-awtoritajiet relevanti tal-Gvern biex jikkunsidraw id-deċiżjoni li l-eżamijiet isiru fuq il-campus u biex jippubblikaw pjan alternattiv għall-eżamijiet li se jsiru f’Settembru.

Kelliem għall-Ministeru għall-Edukazzjoni qal lil tvm.com.mt illi f’laqħa pożittiva ħafna li saret bejn il-Ministru Owen Bonnici u l-għaqdiet tal-istudenti, ġew indirizzati d-domandi kollha li saru matul dik il-laqgħa. Intqal li l-Ministeru hu dejjem lest li jżomm kuntatt san u b’saħħtu mal-KSU għall-ġid tal-istudenti. Il-kelliem qal li l-eżamijiet se jsiru kif pjanat u li se jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex jiġu osservati l-linji gwida li nħargu mill-awtoritajiet tas-saħħa.