Kaċċa u Insib
Il-Kumitat Ornis jivvota favur proġett tal-Gvern fuq riċerka għas-7 speċi tal-għasafar tal-għana

Il-Kumitat Ornis ivvota favur il-proġett tal-Gvern fuq riċerka għas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana. F’ittra li l-Kumitat Ornis bagħat lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, intqal li l-kumitat ħa inkunsiderazzjoni il-kontenut tal-qafas legali propost u n-notifika ta’ deroga flimkien mal-parir legali.

Ħames membri tal-kumitat Ornis ivvutaw favur, Birdlife Malta ivvutat kontra, filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA astjeniet minħabba cross-reference bejn il-qafas legali propost u r-regolamenti dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Qalet li dawn iridu jiġu diskussi f’aktar dettal fil-jiem li ġejjin.

Il-Kumitat Ornis qal li waqt l-istess seduta, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK għamlet talba biex fil-qafas legali ikunu permessi xbikien ta’ 38 metri kwadri kull xibka minflok ta’ 20 metri kwadri. L-FKNK talbet ukoll biex ikun permess l-użu tat-tisfir irrekordjat minn qabel tal-għasafar tal-għana f’forma ta’ cassettes.

Dwar dawn iż-żewġ talbiet il-Kumitat Ornis ukoll ivvota favur  – ħames membri tal-kumitat ivvutaw favur, Birdlife Malta astjeniet fuq ix-xbikien u ivvutat kontra fuq l-użu tat-tisfir irrekordjat, u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA astjeniet fiż-żewġ talbiet.

Fl-ittra l-Kumitat Ornis qal li l-perjodu ta’ riċerka skont il-parametri tan-notifika tad-deroga hu mill-20 ta’ Ottubru sal-20 ta’ Diċembru 2020.  Talab ukoll biex ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li mistenni jintemm fil-15 ta’ Settembru jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-kumitat.

https://www.facebook.com/ClintCamilleriMP/posts/2795385844007901

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Parir fuq deroga għall-insib tal-għasafar tal-għana – BirdLife tirreaġixxi