
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputat Anġlu Farrugia għada ser ilaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jiddiskuti r-rapport li tħejja mill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar ir-rigal tal-inbid Petrus li Yorgen Fenech kien ta lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Ir-rapport sar fuq talba tal-Professur Arnold Cassola li fi stqarrija wera d-diżappunt li l-Kummissarju tal-Istandards ma ppubblikax ir-rapport iżda bagħtu lill-Kumitat Parlamentari dwar l-istandards fil-ħajja pubblika li jista’ jiddeċiedi hu meta r-rapport jiġi pubblikat.
Il-Professur Cassola qal li l-fatt li r-rapport ma ġiex pubblikat joħloq klima ta’ suspett. Dr Muscat kien qal li l-inbid Petrus jinsab fl-inventarju tal-Palazz tal-Girgenti mal-rigali oħra li rċieva.