Unjoni Ewropea
Il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli tistqarr li hemm razziżmu strutturali anki fil-Kummissjoni

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli, qalet li r-razziżmu huwa ħaj fl-Ewropa u appellat biex tiġi ndirizzata d-diskriminazzja strutturali anki fil-Kummissjoni Ewropea.

F’intervista lil Euractiv, il-Kummissarju Dalli qalet li hemm baħar jaqsam bejn il-leġislazzjoni li tindirizza l-ugwaljanza u kif din qed taffettwa l-ħajja tan-nies. Qalet li l-Kummissjoni ilha tiddiskuti dawn il-kwistjonijiet ferm qabel għolliet rasha l-kwistjoni dwar ir-razziżmu.

Sġjegat li meta wieħed iħares lejn per eżempju l-qagħd, l-akkomodazzjoni soċjali u s-saħħa hemm dik li sejħet diskriminazzjoni mhux intenzjonata speċjalment mill-bojod li jidentifikaw ma’ persuni li huma “bħalhom” u dan jista’ jkun li jwassal għal diskriminazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza qalet li se jkunu qed iħarsu lejn il-Kummissjoni innifisha biex jaraw kif jistgħu jindirizzaw din ir-realta. Qalet li mhux biżżejjed li wieħed jgħid imma nies ta’ razez differenti ma japplikawx għal impjieg. Żiedet li jridu jaraw x’tip ta’ edukazzjoni jew taħriġ persuni ta’ razez differenti mill-bojod qed jieħdu biex ikun assigurat li jkollhom kwalifiki tajbin biex jikkompetu.

Qalet li l-fatt li għall-ewwel darba l-Unjoni Ewropea għandha portafol iddedikat għall-ugwaljanza jagħti messaġġ li l-Ewropa trid tindirizza dawn ir-realtajiet b’mod b’saħħtu. Qalet li hemm ħafna xogħol x’isir f’dan ir-rigward.

Tista’ tara l-intervista sħiħa hawn.