Annimali
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali favur aktar bajjiet fejn jistgħu jgħumu l-klieb

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali qed tissuġġerixxi li jiżdiedu l-bajjiet li fihom ikunu jistgħu jgħumu l-klieb.

Alison Bezzina stqarret dan fuq il-mezzi soċjali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.

Hija qalet li mhux biss hawn nuqqas ta’ dawn il-bajjiet imma wkoll li l-informazzjoni li hawn dwarhom hija konfuża.

Bezzina semmiet kif għaddejjin diskussjonijiet dwar il-possibilità ta’ żieda fil-bajjiet mal-entitajiet u awtoritajiet konċernati.

Id-deċiżjoni dwar jekk bajja tkunx miftuħa wkoll għall-klieb hija f’idejn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Fil-linji gwida tagħha l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tgħid li l-mikrobi mill-ħmieġ tal-klieb jaffettwa l-kwalità tal-ilma baħar u saħħet in-nies.

F’Malta hawn seba’ bajjiet fejn fihom jistgħu jgħumu l-klieb waqt li f’Għawdex hemm tnejn.

Il-bajjiet f’Malta huma l-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, ix-Xatt tas-Sajjieda f’Marsaxlokk, Tigne Point f’Tas-Sliema, Baħar iċ-Ċagħaq, l-Imġiebaħ f’Selmun, Daħlet ix-Xmajjar fl-Armier u l-Ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn waqt li f’Għawdex huma l-bajja magħrufa bħala Taħt il-Batterija tal-Qbajjar fl-inħawi tax-Xwejni u dik ta’ Trejqet Mġarr ix-Xini.

Ħlief għal dawn id-disa’ bajjiet uffiċjali min jikser il-liġi u jieħu l-klieb f’bajjiet oħra jista’ jeħel multa ta’ bejn il-€232 u l-€4,658 u/jew mhux iktar minn sitt xhur ħabs.

Jekk il-persuna tinqabad tikser il-liġi t-tieni darba l-multa titla’ għal minimu ta’ €465 u massimu ta’ €11,646 waqt li l-piena ta’ ħabs titla’ sa sentejn.