Lokali
AĠĠORNAT: Il-Kummissarju għall-Istandards dwar ir-rigal Chateau Petrus: “prima facie kiser il-kodiċi ta’ etika”

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ikkonkluda li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat prima facie kiser il-kodiċi ta’ etika meta aċċetta rigal ta’ tliet fliexken inbid – Chateau Petrus – b’valur ta’ €5,800 mingħand Yorgen Fenech. Ir-rapport tal-kummissarju beda jiġi diskuss mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li għad irid jisma’ fost oħrajn ix-xhieda ta’ Dr Hyzler. Min-naħa tieghu Dr Muscat qal li jaqbilx mal-konkluzzjonijiet tar-rapport.

Fir-rapport ta’ 18-il paġna, minbarra d-dokumenti annessi, dwar l-investigazzjoni li skattat wara ilment mill-Professur Arnold Cassola, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler qal li huwa ċar li r-rigal kien ta’ natura personali u għalhekk jikser il-kodiċi tal-etika. Huwa stabilixxa dan għax l-inbid fin ma kienx intiż li jingħata lill-istat u minħabba li ngħata f’festin privat fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Dr Muscat, l-annata tat-tliet fliexken kellhom tifsira personali għall-ex Prim Ministru u mhux għal ħaddieħor.

Dr Hyzler fir-rapport irrimarka li Dr Muscat aċċetta r-rigal bħala individwu u mhux bħala Kap tal-Gvern, u b’hekk daħal f’obbligu personali lejn Yorgen Fenech. Fir-rapport ingħad li l-fatt li Dr Muscat ma żammx ir-rigal u ħallieh fir-residenza tal-Girgenti ma jibdel xejn u huwa irrilevanti.

Ir-rapport ntbagħat lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li f’laqgħa mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia qabel li għandu jiġi ppubblikat. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler mistenni jidher quddiem il-kumitat aktar tard dan ix-xahar.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis argumenta li s-sejbien tal-aġir tal-eks Prim Minsitru mhux ta’ natura gravi u m’għandux jiskata xi sanzjoni. Min-naħa tiegħu id-Deputat Nazzjonalista Carol Aquilina qal li din mhijiex xi ħaġa leġġera qisu ma ġara xejn.

Fuq Facebook, Dr Muscat qal li filwaqt li jirrispetta l-irwol tal-Kummissarju dwar l-Istandards, ma jaqbilx mar-rapport tiegħu u kif ibbaża ruħu fuq il-perċezzjoni, kif qal jgħid l-istess rapport, u mhux il-fatti. Skont Dr Muscat ma ngħatax piż biżejjed liċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ, ghax minkejja t-theddid dokumentat li rċieva, huwa qeda dmiru bla biża’ jew favur.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar