Politika
Il-Kummissarju għall-Istandards joħroġ linji gwida dwar ir-reklami tal-Gvern

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ħareġ linji gwida biex jirregola l-użu ta’ reklami u materjal promozzjonali mill-Gvern, l-entitajiet pubbliċi u l-persuni ta’ fiduċja.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju qal li dawn il-linji gwida ma jirrappreżentawx regoli ġodda imma jindikaw kif il-Kummissarju se japplika r-regoli eżistenti fil-kodiċi ta’ etika tal-ministri f’każi li jinvolvu reklami jew materjal promozzjonali mħallsa minn fondi pubbliċi.

Il-linji gwida jirrikonoxxu li l-Gvern għandu dover li jikkomunika mal-pubbliku, u għandu diskrezzjoni wiesa’ biex jiddeċiedi meta għandu jikkomunika permezz ta’ reklami u materjal promozzjonali għal skopijiet leġittimi.

Madankollu qal li l-ministri m’għandhomx jonfqu fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika. Qal li dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jiżguraw li dan ma jsirx u jkopru mhux biss reklami iżda anke, fost affarijiet oħra, artikli li jiġu ppubblikati bi ħlas, fuljetti, kartolini, oġġetti li jitqassmu bħala rigali u materjal awdjoviżiv li jixxandar fuq it-televiżjoni jew il-midja soċjali – dejjem jekk dawn jitħallsu minn fondi pubbliċi.

Il-linji gwida jgħidu fost affarijiet oħra li:

• Reklam jew materjal promozzjonali tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi kontenut ta’ natura partiġġjana.

• Reklam jew materjal promozzjonali tal-Gvern jew ta’ entità pubblika għandu jkun fattwalment korrett f’dak li jgħid.

• Reklam tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi isem jew ritratt ta’ ministru. Dan japplika wkoll għal “advertorial”.

• Fuljett jew dokument ieħor (basta mhux reklam jew advertorial) maħruġ mill-Gvern jew entità pubblika jista’ jinkludi kontenut li jirreferi għal ministru, basta dan il-kontenut ikun strettament limitat u jikkontribwixxi għall-għanijiet leġittimi tad-dokument.

• Pubblikazzjoni li tkun sponsorjata mill-Gvern għandha tindika dan il-fatt għall-finijiet ta’ trasparenza.

• Ministru għandu jidderieġi fondi pubbliċi lejn il-midja għall-finijiet ta’ reklamar skont kriterji ġusti u oġġettivi.