Politika
Il-Kummissarju għall-Istandards ma jsib xejn ħażin fil-kirja tad-Downtown Hotel bħala dar tal-anzjani

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li d-deċiżjoni tal-Gvern li jikri d-Downtown Hotel fir-Rabat, Għawdex, biex jużaha bħala dar għall-anzjani ma tirrappreżentax abbuż ta’ poter jew ksur ta’ etika.

Il-lukanda kienet inkriet fl-2020 bħala miżura prekawzjonarja kontra l-pandemija COVID-19.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment li ressaq il-Professur Arnold Cassola kontra l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

L-ilment kien jallega li l-kiri tal-lukanda sar b’mod abbużiv għaliex l-Gvern kellu għad-dispożizzjoni tiegħu propjetà mibnija fuq art tiegħu, il-Lourdes Home, li hija mmexxija mis-Sorijiet Dumnikani.

Din allegatament kienet aktar adattata biex tintuża bħala dar għall-anzjani u kienet tirrikjedi spiża inqas mid-Downtown Hotel.

Il-Kummissarju sab li d-deċiżjoni kienet ittieħdet mill-Kabinett u li l-Lourdes Home hija propjetà tas-Sorijiet Dumnikani u mhux tal-Gvern.

Is-sorijiet kienu tal-fehma li l-Lourdes Home ma kinitx adegwata bħala dar għall-anzjani u ma kinux disposti li joffruha għal dan il-għan.

Kien għalhekk li kkonkluda li la l-Lourdes Home ma kinitx tirrappreżenta alternattiva għal-lukanda mikrija mill-Gvern ma kellux bażi biex jinvestiga l-użu ta’ ‘direct order’ biex tinkera l-lukanda.

Dan b’mod partikolari meta wieħed iqis li ‘direct orders’ huma permissibbli f’ċerti ċirkostanzi u l-pajjiż kien f’sitwazzjoni ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika.