Pulizija
Il-Kummissarju jgħid li l-Pulizija mhu se tħares lejn wiċċ ħadd fl-investigazzjonijiet

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ iddikjara ċar u tond li l-uffiċjali tal-korp mhu se jħarsu lejn wiċċ ħadd fl-investigazzjonijiet tagħhom.

Intervistat fil-programm Xtra, is-Sur Gafa’ qal li ebda politiku mhu se jitħalla jindaħal fl-investigazzjonijiet li jsiru mill-Pulizija. Dwar uffiċjali tal-Pulizija li mhumiex leali, onesti u abbli, il-Kummissarju tal-Pulizija kien skjett u qal li posthom mhux fil-korp.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ qal li l-Korp tal-Pulizija għaddej minn riorganizzazzjoni bil-għan li l-Pulizija tkun effettiva kemm biex tirreaġixxi mill-ewwel għal rapporti li jsiru, iżda anke biex tippjana ħalli tillimita atti kriminali. Is-Sur Gafa’ qal li fl-aħħar tax-xahar ser tkun ippubblikata strateġija ta’ kif se jinbidel il-korp biex ikun lest għal dak kollu li jista’ jinqala’ u jkun iktar pro-attiv.

Is-Sur Gafa’ qal li l-Pulizija tkun qed tinvestiga anke jekk ma tkunx bagħtet għas-suspettat biex tinterrogah ħalli meta jkollha l-evidenza f’idejha tressaq il-kriminali l-Qorti. Spjega li l-Pulizija trid tmur il-Qorti bil-provi u mhux b’informazzjoni biss ħalli jkunu stabbiliti l-fatti tar-reat.

Huwa qal li taht it-tmexxija tiegħu l-Korp tal-Pulizija mhu se jħares lejn wiċċ ħadd fl-investigazzjonijiet tagħhom, filwaqt li spjega li pulizija li mhumiex leali, onesti u abbli mhux posthom fil-korp.

“Jekk qatt xi darba dawn iddejqu li jkellmu lil xi ħadd minħabba xi pożizzjoni, żgur li taħt it-tmexxija tiegħi qatt ma għandu jkun u allaħares inkun naf. Jiena sakemm kont investigatur investigajt lil kulħadd mingħajr qatt iddejjaqt inħares lejn uċuħ u la f’kariga ta’ spettur ħafna iżgħar milli jien bħalissa qatt ma ddejjaqt ninvestiga lil ċertu nies wisq anqas ħa niddejjaq illum”.

Mistoqsi minn Saviour Balzan waqt il-programm Extra Sajf dwar l-indħil politiku, il-Kummissarju tal-Pulizija wieġeb li l-Gvern huwa l-leġislatur allura jikkonsulta miegħu fuq liġijiet biss, tant li diġà bagħat messaġġ ċar li l-ebda persuna mhux ser titħalla tindaħal fl-investigazzjonijiet.

“Irrid nikkonsulta mal-Ministru għax il-liġijiet iridu jinbidlu mil-leġiżlatur però hemm distinzjoni assoluta fl-operat tal-korp , fl-investigazzjonijiet , u hemmhekk definittavament la l-Ministru u l-ebda persuna fil-Gvern mhu ser ikollu mument fejn jindaħal lil management tal-Korp tal-Pulizija.”

Il-Kummissarju Gafa’ qal li l-Korp tal-Pulizija qed jitġejja biex jiġġieled kull tip ta’ reati, filwaqt li anke qed jersaq lejn iċ-ċittadini billi jkun aktar preżenti fit-toroq u jkollu taqsimiet li bħal vjolenza domestika jeħtieġu sensittività akbar. Sostna li l-Korp tal-Pulizija jrid li l-pubbliku jkollu fiduċja fil-Pulizija tant li anke qed ikun aktar miftuħ mal-midja biex l-informazzjoni li toħroġ tkun waħda uffiċjali u korretta.