Pulizija
Il-Kummissarju l-ġdid jaħtar lil Alexandra Mamo biex tmexxi t-Taqsima Kontra r-Reati Ekonomiċi

Għalkemm fuq il-lapida tal-lista tal-kummissarji tal-korp fid-daħla tad-depot, ismu għad mhux imniżżel, fl-ewwel ġurnata bħala Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà beda jieħu d-deċiżjonijiet u l-ewwel waħda kienet li jbiddel il-Kap tat-Taqsima ta’ kontra r-reati ekonomiċi, li bħalissa tinsab taħt pressjoni mill-Moneyval tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba rata baxxa ta’ każi li tressqu l-qorti fuq ħasil ta’ flus.

Minflok l-Assistent Kummissarju, Ian Abdilla, is-Sur Gafà ħatar lil Assistent Kummissarju, Alexandra Mamo, li hija avukat u kienet fost l-applikanti għall-Kummissarju.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Gafà qal li huwa ħadem disa’ snin mas-sur Abdilla u jaf kemm hu kapaċi, iżda minħabba l-insinwazzjonijiet li saru fuqu u s-suspetti li tqanqlu, irid jelimina kull dubju u jassigura li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir.
“Il-messaġġ huwa li aħna l-affarijiet irridu nieħduhom b’serjetà.”

Mistoqsi jekk hux lest jinvestiga allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu lill-politiċi, l-Kummissarju l-gdid qal li l-ismijiet ma jimpressjonawhx u qatt ma ddejjaq jew ġie influwenzat minn ħadd, u ta garanzija li kull allegazzjoni tiġi investigata fosthom b’sistema ġdida ta’ monitoraġġ.

“Jien ħa nitlob b’mod regolari update ta’ dawn il-każijiet li jkunu fl-ispotlight ħalli ħadd ma jaqa’ lura (slacking), jien nemmen li jekk iżżomm dan il-kontroll fuq in-nies, in-nies ħa jikkontribwixxu, għandna ħafna elementi tajbin fil-korp u l-ħasra hija li sfortunatament mal-ħażin jeħel it-tajjeb.”

Il-Kummissarju Gafà qal li dalwaqt se tiddaħħal strateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni li biha se tinbidel il-liġi biex ikun jistgħu jsiru rapporti ta’ korruzzjoni anke b’mod anonimu. Qal li tul it-tmexxija tiegħu, il-korp se jgħaddi minn proċess ta’ bidla għax irid li l-fiduċja tal-poplu tiżdied u jirrifletti r-realtajiet tal-lum, fosthom b’taqsima dedikata għall-vjolenza domestika. Qal li bħalissa għaddej il-proċess intern għal min se jaħdem f’din it-taqsima, aktar community policing għall-prevenzjoni tar-reati u biex jiddaħħlu aktar pajżana li jieħdu post madwar 17% tal-2,400 membru tal-korp li bħalissa qed jagħmlu xogħol amministrattiv, biex dawn ikun jistghu jagħmlu xogħol pulizjesk.

Is-Sur Gafà qal li huwa se jara li l-korp jipprepara lill-Pulizija huwa stess b’korsijiet akkreditati. Stqarr li mhu se jaċċetta l-ebda skartar u se jara li s-Surġenti Maġġuri ma jibqgħux fl-istess post għal perjodu twil, iżda jduru biex l-infurzar jissaħħaħ. Qal li se jkun hemm reviżjoni dwar ix-xogħol part-time li jagħmlu l-Pulizija u xogħol li mhuwiex kompatibbli mad-doveri tal-korp, mhux se jitħalla aktar.

Ara wkoll:

Angelo Gafà maħtur uffiċjalment Kummissarju tal-Pulizija