Parlament
Il-Kummissarju għall-Istandards jgħid li qed jinvestiga tliet każi

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Kummissarju tal-Istandards, l-Avukat George Hyzler, ikkonferma li qed jinvestiga tliet każi. Dr Hyzler qal li l-każi li jinvestiga mhux ser jagħmilhom pubbliċi.

Żied jgħid ukoll li ġie mistoqsi mill-midja jekk hux qed jinvestiga lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fuq l-allegazzjoni ta’ vjolenza domestika. Spjega li bil-liġi huwa ma jistax jinvestiga każi li jkunu fil-Qorti.

Fl-istess laqgħa l-Ispeaker Anġlu Farrugia li jippresiedi l-kumitat wera diżappunt li l-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa għamlet proposti fuq il-Parlament mingħajr ma indenjat ruħha titkellem miegħu u mal-Parlament.

Kien id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil li staqsa lil Dr Hyzler huwiex ser jirrapporta dwar il-proposti tal-Kummissjoni Venezja, li fost oħrajn qalet li l-Parlament huwa dgħajjef biex jikkontrolla lill-Gvern minħabba li backbenchers tal-Gvern ngħataw ħatriet f’entitajiet tal-Gvern, kif ukoll id-deputati tal-Parlament huma part-timers.

Dr Hyzler qal illi huwa ma jidħolx fid-dibattitu dwar deputati full-time u part-time jekk mhux fuq kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess. Huwa qal li se jistudja l-kwistjoni ta’ deputati li jridu jagħmlu skrutinju fuq il-Gvern waqt li jokkupaw kariga fi ħdan l-istess gvern. Qal li jaħseb li dan jista’ jkun kontradittorju.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia lmenta li d-delegazzjoni tal-Kummissjoni Venezja ma ltaqgħetx miegħu biex jispjega x’sar fl-aħħar ħames snin għat-tisħiħ mill-Parlament biex tiżdied it-trasparenza u l-kontabbiltà. Dr Farrugia qal illi l-Kummissjoni Venezja waslet għal konklużjonijiet li sejħilhom strambi dwar l-indipendenza tal-Parlament, u fakkar li kien hemm żmien meta l-backbenchers tal-Gvern inħatru assistenti Parlamentari mal-Ministri.

Dwar l-ilmenti li qed jinvestiga, il-Kummissarju Hyzler qal li qed jinvestiga tliet ilmenti waqt li rrifjuta lment li prima facie ma kienx jaqa’ taħt il-liġi tal-istandards. Semma’ wkoll li ġie mistoqsi minn ġurnalista jekk kienx se jinvestiga l-allegazzjoni ta’ vjolenza domestika mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-Kummissarju Hyzler qal li huwa prekluż milli jagħmel dan minħabba li l-allegazzjoni hija suġġett ta’ kawża fil-Qorti.

Huwa qal li huwa ma jitkellmx mal-medja dwar każijiet investigati iżda jirraporta lill-Kumitat Parlamentari dwar ksur ta’ etika. Każijiet ta’ natura kriminali u korruzzjoni jgħaddihom lill-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw huma. Dr Hyzler ħabbar li l-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika tal-Parlament Ingliż Catherine Stone għandha tiġi Malta f’Mejju li ġej u tindirizza d-deputati Maltin dwar il-ħidma tagħha.

Intant ir-rapport mill-Kummissjoni Venezja tqajjem ukoll fil-Parlament mid-deputati Simon Busuttil u Edward Zammit Lewis. Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal illi b’mod ġenerali l-Gvern jaqbel mal-proposti li saru mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Huwa qal li ż-żewġ naħat tal-kamra qed jiltaqgħu taħt it-tmexxija tal-President Marie Louise Coleiro għar-riforma tal-kostituzzjoni u sejjaħ it-taħditiet s’issa bħala pożittivi ħafna. Mistoqsi jekk il-Gvern hux ser ikompli jaħtar ġudikanti qabel iwettaq il-proposti tal-kummissjoni, il-Ministru Bonnici qal li l-vakanzi fil-ġudikatura se jimtlew biex il-ħidma tal-Qorti ma taqax lura.

Aħbarijiet Oħra
Unjoni Ewropea

Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin iħossu li l-pajjiż ibbenefika mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Stħarriġ tal-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa li sar mill-Parlament Ewropew li sar bejn Frar u Marzu juri li 91% tal-Maltin wieġbu li Malta…

Saħħa

Espert kliniku mill-NHS Ingliża beda jara l-pazjenti bl-ADHD u jiddiskuti ma’ konsulenti mediċi lokali bil-għan li jagħti pariri lid-Dipartiment tas-Saħħa dwar mediċini tal-ADHD. Tliet ijiem ilu d-Deputat Prim Ministru u…

Stejjer Umani

Mara li kienet toqgħod f’wieħed mill-appartamenti li ġġarrfu fi Gwardamangia rnexxielha ssalva minn traġedja u salvat ukoll il-ħajja ta’ residenti li joqogħdu fl-istess blokka. Missierha, Lawrence Gauci, kiteb fuq is-siti…

Lokali

Id-devoti tal-Madonna tal-Karmnu llum reġgħu raw il-kwadru inkurunat tal-Madonna tal-Karmnu f’postu fis-Santwarju Bażilika fil-Belt. Dan wara li għamel sena u nofs nieqes sakemm fuqu saru interventi ta’ restawr u konservazzjoni….

Aktar