Lokali
Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tħeġġeġ biex l-abort ma jibqax illegali

Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dunja Mijatović qalet li n-nisa f’Malta għandu jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva li tinkludi l-abort sigur.

Hija laqgħet id-dibattitu li qed jiżviluppa dwar l-abort u saħqet li l-kriminalizzazzjoni tal-abort tistigmatizza lin-nisa u tpoġġi saħħithom f’riskju.

Dunja Mijatović żaret Malta l-ġimgħa li għaddiet. Fost l-oħrajn hija kellha laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela li ddiskutew is-salvagwardji u l-implimentazzjoni li jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Hija talbet lill-awtoritajiet biex minnufih jiddekriminalizzaw l-abort u jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Qalet li l-fatt li l-abort għadu kkriminalizzat u stigmatizzat mhux biss ipoġġi s-saħħa tan-nisa Maltin f’riskju, iżda jaffettwa wkoll l-ugwaljanza fid-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissarju Dunja Mijatović żaret ukoll iċ-ċentri tal-immigranti. Fiż-żjara tagħha hija saħqet li d-drittijiet tal-bniedem ta’ dawk li jkunu bejn sema u ilma qatt m’għandhom jitpoġġew f’riskju. Qalet li l-awtoritajiet għandhom jaraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jwasslux biex b’mod dirett jew indirett, l-immigranti jintbagħtu lura l-Libja, li mhux post sigur.

Hija tkellmet ukoll dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qalet li l-Gvern għandu jagħti prijorità lir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta.

Qalet li l-awtoritajiet għandhom jimplimentaw riformi sabiex il-ġurnalisti jkunu siguri u għandhom jindirizza in-nuqqas ta’ fiduċja fil-midja f’Malta. Spjegat li dan għandu jibda billi jiġu indirizzati t-theddid u l-fastidju li qed jaffaċċjaw il-ġurnalisti, inkluż online. Żiedet tgħid li l-ġurnalisti għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni preċiża u f’waqtha. Temmet tgħid l-inizjattivi biex jiġu indirizzati fost l-oħrajn l-SLAPPS huma inkoraġġanti.