Lokali
Il-Kummissjoni Ewropea dwar il-programmi taċ-ċittadinanza u r-riskji tagħhom

Fis-sigħat li ġejjin l-Unjoni Ewropea mistennija tippubblika r-rapport dwar il-programmi ta’ ċittadinanza u r-residenza fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rapport, li jidher li kisbet kopja tiegħu l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, il-Kummissjoni Ewropea se twissi lill-pajjiżi Ewropej li għandhom dawn l-iskemi bir-riskji li jġibu magħhom.

Fost l-oħrajn ir-Reuters tikkwota li r-rapport jgħid li dawn il-programmi jistgħu jgħinu lill-gruppi barranin ta’ kriminalità organizzata biex jinfiltraw fl-Unjoni Ewropea u jżidu r-riskju ta’ ħasil ta’ flus, korruzzjoni u evażjoni tat-taxxa.

Malta, Ċipru u l-Bulgarija huma l-uniċi pajjiżi mit-28 stati membri tal-UE li għandhom dawn il-programmi ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza, filwaqt li 20 stat inkluż dawn it-tliet pajjiżi wkoll ibiegħu l-permess għar-residenza.

Ir-Reuters qed tirrapporta li mir-rapport joħroġ kif instabu nuqqasijiet fit-tliet pajjiżi meta jkunu qed jiċċekkjaw il-ġid li għandhom l-individwi li jixtru ċ-ċittadinanza, filwaqt li dawn il-pajjiżi ma jagħmluhiex faċli biex jidentifikaw min qed jixtri l-passaporti.

Anke min qed ibiegħ il-programmi ta’ residenza wkoll qed iġarrab l-istess riskji bħall-iskemi taċ-ċittadinanza.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jqanqal dubji fost l-oħrajn dwar il-programm Portugiż tant li kien ikkritikat minħabba li tingħata r-residenza lill-barranin li joqogħdu fil-pajjiż għal 7 ijiem fis-sena biss.

Dan filwaqt li r-rapport jgħid li l-awtoritajiet Portugiżi ftit li xejn jagħmlu skrutinju tal-pagamenti u d-dħul li għandhom l-individwi li japplikaw għal din l-iskema.

Fil-konklużjonijiet tar-rapport, il-Kummissjoni mistennija tgħid li se twaqqaf grupp t’esperti li se jirrakkomandaw x’miżuri għandhom jittieħdu sal-aħħar tas-sena biex jillimitaw ir-riskji li jġibu magħhom dawn l-iskemi.

Intant, fi stqarrija id-ditta Henley & Partners laqgħet il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, iżda qalet li l-Kummissjoni Ewropea kienet żgwidata u ma fehmietx sew kif topera din l-industrija, b’mod speċjali l-iskrutinju li jsir f’dan ir-rigward.

Henley & Partner esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta’ integrazzjoni bejn id-dipartimenti varji tal-UE u n-nuqqas ta’ involviment tal-Investment Migration Council (li hija l-assoċjazzjoni rikonoxxuta f’din l-industrija) u d-ditti li joperaw f’dan is-suq fosthom Henley & Partners infushom.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Saħnu l-irjus fix-Xlendi, f’Għawdex wara li turist ħebb għal xufier ta’ double-decker. L-inċident seħħ ilbieraħ fl-16:00 waqt l-attività tradizzjonali tal-ġosta li sseħħ ta’ kull sena fil-bajja. Mhux magħruf għala t-turist…

Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pietà tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Aktar