Lokali
Il-Kummissjoni Ewropea talloka kważi elf miljun ewro għal irkupru tal-Ekonomija Maltija

Skont dokument mhux uffiċjali, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi allokazzjoni finanzjarja lil Malta ta’ kważi biljun ewro biex tgħinha tirkupra mill-impatt negattiv tal-pandemija. L-allokazzjoni hi parti minn fond ta’ madwar €750 biljun ewro li l-Kummissjoni qed issejjaħ ‘Next Generation EU’ u li jrid jiġi ffinanzjat mill-pajjiżi nfushom. Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna qal li Malta mhux konvinta minn dan il-pakkett għax fih implikazzjonijiet fuq Malta li qal għadha mweġġa’ minħabba n-nuqqas ta’ solidarjetà mill-pajjiżi l-oħra fir-rigward tal-immigrazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-pjan ta’ kif se tgħin lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jirkupraw mill-istaġnar ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-coronavirus.

“The (European) Commission is today proposing a new recovery instrument called ‘Next Generation EU’ worth 750 billion euros.”

Il-fond għad irid jiġi approvat mil-Parlament Ewropew u mis-27 Gvern tal-Unjoni Ewropea, process li mistennija tkun diffiċli ħafna għaliex pajjiżi bħal Awstrija, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Olanda jidher li qed jopponu li l-piż tad-dejn jinġarr minn kulħadd.

Magħhom jaf hemm ukoll Malta, bil-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jgħid lil TVM li xejn ma jiġi b’xejn u hemm aspetti fil-proposta tal-kummissjoni li m’humiex fl-interess ta’ Malta. “Hemm ħafna mistoqsijiet, wieħed irid jistudjah sew u naħseb li din id-darba pajjiżna aktar minn qatt qabel irid irid jara x’inhuma l-interess nazzjonali għax hija minefield u hemm wisq implikazzjonijiet. Aħna pajjiż imweġġa li qed nitolbu solidarjetà għandna l-vapuri hemm barra bl-immigranti u ħadd m’hu jgħolli rasu jgħidilna ħa nieħu ftit, jiġifieri ħa nkunu ħafna realistiċi”.

Il-Professur Scicluna qal li l-mod kif il-fond jiġi ffinanzjat hu kkumplikat ħafna u jissemmew taxxi komuni fosthom fuq kumpaniji kbar u setturi li Malta tiddependi fuqhom. “Hemm taxxi ġodda għall-enerġija u l-klima li kulħadd jaqbel magħha imma imbagħad insibuha fuq l-ajruplani u l-vapuri, l-iktar pajjiżi fin-nofsinhar bħalna, Ċipru u pajjiżi oħra li jiddependu ħafna fuqhom ikunu affettwati u aħna urejna diġa li m’aħniex favur taxxi bħal dawn li jagħmlu ħsara lill-ekonomija fiż-żmien meta t-turiżmu rridu nqajmuh”.

Skont dokument mhux uffiċajli, Malta mistennija tiġi allokata qrib il-biljun ewro minn dan il-fond – €350 fil-forma ta’ għotjiet u €642 miljun fil-forma ta’ self. Iċ-ċifri uffiċjali se jitħabbru għada. Il-Ministru Scicluna qal li l-fond hu maħsub l-aktar għall-pajjiżi li għandhom bżonn jisselfu minn barra, xi ħaġa li qal Malta sa issa ma kellhiex bżonn tagħmel għax il-familji Maltin dejjem xtraw il-bonds maħruġa mill-Gvern.

Il-President tal-Kummissjoni qalet li l-fond se jgħin lill-Ewropa biex l-ekonomija tagħha tkun ibbażata aktar fuq l-oqsma diġitali u favur l-ambjent.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar