Pulizija
Il-Kummissjoni Ewropea tawgura lill-Korp tal-Pulizija għall-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni

“Is-suċċess li tkun implimentata strateġija għall-Korp tal-Pulizija ta’ Malta huwa ppruvat mill-fatt li l-Korp diġà beda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Din hija wkoll xhieda ta’ kemm il-proċess għat-trasformazzjoni tal-istrateġija tal-Korp huwa mmexxi mill-Korp tal-Pulizija stess.”

Dan qalu s-Sur Mario Nava, Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, responsabbli mir-Riformi Strutturali, f’messaġġ awdjoviżiv li bagħat meta tnediet l-istrateġija għall-ħames snin li ġejjin ghall-Korp tal-Pulizija, fejn f’isem il-Kummissjoni Ewropea feraħ lill-Korp li kkonkluda b’suċċess l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Is-Sur Nava qal li t-tnedija ta’ din l-istrateġija timmarka t-tmiem ta’ perjodu intensiv ta’ valutazzjoni għall-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, madankollu, l-iktar importanti, immarka wkoll il-bidu ta’ perjodu ġdid ta’ riformi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

“Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta bdiet f’nofs l-2018, meta l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta avviċinawna b’abbozz ta’ idea ta’ proġett. Idea għal proġett li jġib riforma fundamentali tal-organizzazzjoni. Dak li laqatna mill-bidu kien li dan is-sidien ta’ dan il-proġett huwa l-Korp innifsu u l-impenn sod u professjonali. Iżda l-iktar importanti kienet ir-rieda ċara tal-Pulizija ta’ Malta biex tirriforma ruħha”, qal is-Sur Nava.

Id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea żied jgħid l-akbar valur ta’ dan il-proġett ikun meta l-Korp tal-Pulizija, wara li jkun implimenta b’suċċess il-pjan ta’ azzjoni ta’ riforma tagħha, jaqsam l-esperjenza u l-għarfien tiegħu ma’ korpi ta’ stati membri oħrajn. Dan se jkun il-kontribut veru, mhux biss għall-valuri tal-Unjoni Ewropea, iżda għal Malta nnifisha.