Lokali
Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma l-andament ekonomiku pożittiv li għaddejja minnu Malta

Wara l-aġenziji internazzjonali, issa l-Kummissjoni Ewropea ikkonfermat li l-ekonomija Maltija għaddejja b’ritmu qawwi, għalkemm qalet li ser tkun sfida s-sostenibiltà tat-tkabbir.  Il-Kummissjoni qalet li l-pożizzjoni tal-finanzi tal-Gvern baqgħet titjieb.

F’rapport li janalizza t-28 pajjiz membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni osservat li Malta wettqet uħud mir-riformi li sarulha fir-rapport ta’ qabel, speċjalment dwar il-finanzi tal-Gvern, iżda tgħid li għad fadlilha oqsma li trid taħdem fuqhom.

Issemmi fost l-oħrajn il-pressjoni fuq l-infrastruttura, il-prezzijiet tal-propjetà u n-nuqqas ta’ ħaddiema li huma ta’ sfida għall-ekonomija Maltija.

Meta ppreżenta r-rapporti, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi Pierre Moscovici semma lil Malta u sitt pajjiżi oħrajn li jeħtieġu jagħmlu riformi fil-qasam tat-taxxa tal-kumpaniji.

Mill-analiżi li saret mill-Kummissjoni Ewropea joħroġ li t-tkabbir ekonomiku u fil-ħolqien tax-xogħol f’Malta kien fost l-għola fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tbassar li din il-klima ekonomika se tibqa’ b’saħħitha, kemm minħabba l-livell għoli ta’ impjiegi, kif ukoll minħabba l-investiment.  Dan l-andament pożittiv qed iwassal għal iktar dħul mit-taxxi, b’mod partikolari dawk diretti.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi Pierre Moscovici fil-preżentazzjoni li għamel dwar l-ekonomija tal-pajjiżi membri, kompla jagħmel pressjoni għar-riforma fil-qasam tat-taxxa.

Huwa qal, “The Commission is today stressing the issue of aggressive tax planning in seven EU countries which are Belgium, Cyprus, Hungary, Ireland, Luxembourg, Malta, and the Netherlands. These practices that we know have the potential to undermine the fairness and the level playing field in our internal market and they increase the burden on EU taxpayers.”

Fir-rapport dwar Malta, il-Kummissjoni nnutat li Malta għamlet progress fil-miri tal-budget u fil-qasam tal-impjiegi, skont kif tistipula l-istrateġija Ewropa 2020.

Madanakollu, tinġibed l-attenzjoni biex jintlaħqu l-miri fl-emissjonijiet tossiċi, fin-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, fl-enerġija rinnovabbli u l-bzonn li jkomplu jonqsu l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola.

Il-Kummissjoni Ewropea hija sodisfatta wkoll bil-kuxjenza soċjali li qed turi Malta.  Tosserva li naqsu l-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali għal livell li kienu fl-2008.  Tgħid iżda li l-immigranti fost l-oħrjan għadhom fir-riskju tal-faqar.

Fejn sar progress u x’jonqos isir minn Malta fl-ambitu ekonomiku u soċjali?

Il-Kummissjoni wissiet li l-pensjonijiet u s-saħħa jibqgħu sfidi għan-nefqa pubblika u għas-sostenibiltà tal-bilanċ fil-budget tal-Gvern. Il-Kummissjoni semmiet sfidi oħra, fosthom fit-tisħiħ tal-qafas regolatorju biex Malta żżomm ir-reputazzjoni bħala ċentru tas-servizzi finanzjarji.

Ir-rapport isemmi wkoll il-perċezzjoni tal-korruzzjoni u l-ineffiċjenzi fis-sistema tal-ġustizzja bħala li jistgħu jkunu problematiċi għall-investiment. Il-Kummissjoni tgħid l-istituzzjonijiet Maltin kontra l-korruzzjoni jistgħu jkunu aktar effettivi jekk jaħdmu flimkien fl-investigazzjoni dwar każi allegati ta’ korruzzjoni.

Fl-aħħar nett qalet li ż-żieda fl-attività ekonomika f’Malta tista toħloq diffikultajiet oħra li jeħtieġ jiġu indirizzati, fosthom fl-infrastruttura tat-toroq għalkemm żiedet tgħid li tinnota l-proġett tal-Gvern għat-toroq, li qalet għandu wkoll effett tajjeb anke fuq il-kwalità tal-arja u l-ambjent.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar