Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea tirċievi mingħand Malta l-pjan ta’ rkupru

Il-President tal-Kummissjoni Ewropa Ursula von der Leyen ikkonfermat li rċevew mingħand Malta l-pjan ta’ rkupru.

Hija rrikorriet għall-media soċjali biex tgħid li dan il-pjan jinkludi riformi u investiment biex jgħin it-trasport sostenibbli, l-effiċjenza fl-enerġija u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

Fi stqarrija fuq is-sit tagħha l-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta talbet b’kollox €316.4 miljun f’għotjiet u qalet li issa se tanalizza l-pjan ta’ Malta skont 11-il kriterju.

S’issa l-Kummissjoni Ewropea rċeviet il-pjan ta’ rkupru mingħand 25 stat membru.

Hija allokat €800 biljun biex tgħin lill-pajjiżi membri fl-investimenti u r-riformi li qed jippjanaw li jagħmlu.