Sajd
Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran se tipproteġi lis-sajjieda Maltin

Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran qablet li tintervjeni biex tipproteġi s-sajjieda Maltin li jispiċċaw maqbuda f’argumenti ma’ sajjieda oħra barranin dwar it-territorju tas-sajd. Dan wara qbil unanimu fl-aħħar laqgħa tal-Kummissjoni.

Bis-saħħa ta’ qbil li ntlaħaq fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran, is-sajjieda Maltin se jkunu jistgħu jistadu b’aktar serħan il-moħħ. Dan għaliex il-Kummissjoni qablet li tkun intermedjarju meta nqalgħu inċidenti bejn sajjieda Maltin u dawk barranin fosthom fuq is-sajd għal-lampuki.

Dan wara l-aħħar xhur kien hemm rapporti dwar argumenti bejn sajjieda Maltin u Tuneżini waqt li jkunu qed jistadu fuq l-kannizzati għal-lampuki.

L-Uffiċjal fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura Gilbert Balzan qal lil TVM li l-Kummissjoni se tieħu azzjoni diretta f’kazijiet fejn sajjieda barranin jinqabdu jistad b’mod illegali fuq il-kanizzati rreġistrata fit-territorju Malti.

“Is-sajjieda Maltin ħa jirrapportaw u aħna għandna l-moniteraġġ għaddej fuq is-sajjieda tagħna. Aħna nwasslu r-rapport lill-GFCM u imbagħad il-GFCM tieħu action fuq il-pajjiż partikolari li jrid jirrapporta għalfejn din l-illegalità min-naħa tagħhom.”

Mistoqsi jekk dan il-qbil mhux se jaffetwa l-mod kif jistadu s-sajjieda Maltin, is-Sur Balzan qal li Malta ilha żmien konformi mas-sistema Ewropea.

“Mhu se jkun hemm l-ebda differenza minn dak li kien qed jirreġistra qabel. Li se jkun hemm hu li, l-obbligi li aħna konna qed insegwu qabel, li sajjied ta’ pajjiżi oħrajn iridu jirregoliżaw ruħhom.”

Mario Carabott, sajjied veteran qal lil TVM li it-tilwim bejn sajjieda Maltin u barranin bejn sema u ilma ilu għaddejja s-snin. “Sa 15 anke 20 sena ilu kienu jsiru, minn dejjem kienu jsiru. Tant kien hemm ħut li l-Għawdxin kienu jibqgħu jmorru għax jgħidu jekk nilħqu qabilhom se naqbdu imma jekk jizertaw li t-Tuneżini jaslu qabilhom jkunu maru ‘ċ’ u ‘ċ’ reġgħu ġew lura.”

Is-Sur Carabott spjega kif is-sajjieda Tuneżin għandhom opri tal-baħar ħafna akbar minn tal-Maltin inkluż bastimenti tal-ħadid. Qal li għalhekk is-sajjieda Maltin jispiċċaw jibżgħu mit-Tunezini, speċjalment is-sajjieda Għawdxin li jitfgħu ċ-ċimi tagħhom f’din iż-żona fejn jistadu wkoll is-sajjieda Tuneżini.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

F’rapport li jsir kull ħames snin dwar l-istat tal-ambjent fil-pajjizi Ewropej jghid li jeħtieġ soluzzjonijiet fundamentali fl-għaxar snin li ġejjin biex jiġi evitat tibdil fil-klima li iwassal għall-temperaturi għoljin estremi….

Kisbiet

L-atti notarili tan-nutar Paolo Bonello li għex fis-seklu ħmistax, servew ta’ punt ta’ tluq għal sistema bbażata fuq intelliġenza artifiċjali msejħa Notary Pedia. L-istudenta tal-Masters fl-intelliġenza artifiċjali fl-Università ta’ Malta…

Annimali

Jingħad li l-kelb huwa l-aqwa ħabib li l-bniedem jista’ jkollu iżda għal persuni neqsin mid-dawl, bil-kundizzjoni tal-awtiżmu jew diabete kelb jaf ikun bastun tad-demm u l-laħam. Aktar kmieni din il-ġimgħa…

Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum. Fi stqarrija l-IĠM qal li ġie infurmat li ġurnalista għamlet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet ittra ta’…

Aktar