Lokali
Il-Kummissjoni għall-Anzjani tippreżenta r-rapport annwali għas-sena 2019

Il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-Kummissjoni lis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis.

F’dan ir-rapport annwali l-Kummissjoni indikat li tul is-sena 2019 saret ħidma sabiex jinħoloq iżjed għarfien dwar is-suġġetti li jolqtu lill-anzjani, ġie żgurat li d-drittijiet tal-anzjani jiġu mħarsa u li jiġu stabbiliti standards sabiex dawn id-drittijiet jiġu applikati mid-dipartimenti, mill-aġenziji u mill-entitajiet kollha kkonċernati.

Matul is-sena 2019, il-Kummissjoni pparteċipat ukoll fi programmi televiżivi u anki fuq ir-radju bil-għan li jinħoloq iżjed għarfien dwar id-drittijiet tal-anzjani, dwar temi importanti bħalma huma s-soltiduni u l-abbuż fuq l-anzjani, u anki dwar il-benefiċċji psikoloġiċi li jiġu minn parteċipazzjoni soċjali u minn stil ta’ ħajja attiva.

Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll ma’ bosta partijiet ikkonċernati oħra li wkoll huma involuti fil-ħidma tal-anzjani.

Fir-rapport il-Kummissjoni għall-Anzjani stqarret ukoll li b’mod regolari tirċievi talbiet għal għajnuna u assistenza minn anzjani, qraba jew anki tuturi. Il-Kummissjoni stqarret li rċeviet ukoll numru ta’ lmenti u kkonfermat li kull każ ġie studjat u fejn ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li ssolvih, il-każ ġie riferut għand l-awtoritajiet ikkonċernati.

Matul is-sena 2019 ġie wkoll iffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u l-Kummissjoni fejn sar qbil biex ikun hemm kooperazzjoni fil-qasam tas-servizzi tal-benesseri soċjali b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni miksuba waqt it-twettiq tad-dmirijiet fdati bil-liġi bil-għan li jiġu protetti u promossi d-drittijiet u l-aħjar interessi tal-anzjani.

Fis-sena 2019 flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Dizabilità u l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ġiet ukoll organizzata l-ewwel Konferenza Nazzjonali għall-Anzjani. Matul din il-konferenza ġew diskussi u studjati diversi ideat u viżjonijiet sabiex tkompli ssir iżjed ħidma favur l-anzjani u jitjieb il-livell ta’ għixien tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li s-settur tal-anzjani huwa prijorità għal dan il-Gvern. Is-segretarju parlamentari assigura li s-segretarjat se jibqa’ jaħdem id f’id mal-Kummissjoni għall-Anzjani sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tkompli titjieb u sabiex is-servizzi offruti lilhom jkomplu jissaħħu.

Il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella qalet li l-irwol ewlieni tagħha huwa li tassigura li l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja komda u b’dinjità. Il-Kummissjoni sservi bħala pjattaforma sabiex jiġi żgurat li persuna anzjana tilħaq il-potenzjal kollu li jixirqilha u li tgħix mal-kumplament tas-soċjetà mingħajr ma tkun iddiskriminata abbażi tal-età tagħha, qalet Dr Vella.

Ir-rapport sħiħ tal-Kummissjoni għall-Anzjani jista’ jiġi aċċessat hawn: https://intra.gov.mt/en/News/PublishingImages/Pages/older-persons-ar/here.pdf

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni ppubblika linji gwida għall-għalliema u lse’s bi preparamenti għall-ftuħ tal-iskejjel fi tmiem ta’ Settembru li ġej. Il-Ministru għall-edukazzjoni Owen Bonnici qal li filwaqt li l-Gvern huwa kommess li…

Qorti

Raġel ta’ 41 sena ta’ nazzjonalità Spanjola u residenti n-Nadur, Għawdex, ġie akkużat talli lbieraħ fi Triq ir-Rokon, San Lawrenz, Għawdex, ta fastidju sesswali lil ġuvni mingħajr il-kunsens tiegħu. L-akkużat…

Qorti

Raġel ta’ 28 sena min-Nadur tressaq il-Qorti akkużat li lbieraħ għall-ħabta tal-5am f’Għajnsielem qiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu u kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq żewġ persuni ta’ 24 u 43…

Lokali

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ f’qagħda stabbli. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li Theuma għadu fit-taqsima tal-ENT fl-isptar Mater Dei. It-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020, Theuma nstab…

Aktar