Brexit
Il-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra b’ħidma biex tindirizza t-tibdil li qed jiffaċċjaw il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit

Minkejja r-restrizzjonijiet tal-Covid, il-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra, għaddejja b’ħidma kontinwa biex tindirizza t-tibdil li qed jiffaċċjaw il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit minħabba Brexit.

Minbarra li hija punt ta’ referenza, il-Kummissjoni Għolja Maltija qed tħejji wkoll biex tirranka b’ħidmietha wara l-pandemija, bil-Kummissarju Għoli Malti fir-Renju Unit Joseph Cole jirreferi għar-rwol diplomatiku importanti biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Sal-lum, 5,580 ċittadin Malti li jgħixu fir-Renju Unit irreġistraw għall-iskema li ħareġ il-Gvern Ingliż għal ċittadini Ewropej li kienu jgħixu f’dan il-pajjiż qabel intemmet is-sena li għaddiet.

Il-Kummissarju Għoli għal Malta fir-Renju Unit Joseph Cole, qal li dawn kważi kollha ġew approvati għajr għal 170 applikazzjoni li għadhom qed jiġu evalwati. Appella biex Maltin li sas-sena l-oħra kienu jgħixu r-Renju Unit u għadhom ma rreġistrawx, jagħmlu dan mill-aktar fis biex jkollhomx problemi fix-xhur li ġejjin.

Is-Sur Cole qal li fl-aħħar xhur irċivew għexieren ta’ mistoqsijiet li jvarjaw mill-pensjonijiet għall-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit, minn studenti li bdew jew se jibdew kors hemm, li issa iridu jiksbu permess, u Maltin li jridu jemigraw fil-ġimgħat li ġejjin fir-Renju Unit.

”Inħolqot sistema ta’ immigration simili għal tal-Awstraljani li min japplika jtuħ points skont l-iskills li jkollu u l-bżonnijiet tal-pajjiż.”

Mistoqsi jekk Maltin li jkunu għal btala fir-Renju Unit u jkollhom bżonn jidħlu l-isptar iridux jibdew iħallsu biex jużaw dawn is-servizzi, is-Sur Cole qal li għalissa il-card Ewropea għall-assikurazzjoni tas-saħħa għadha tiġi aċċettata f’każ ta’ emerġenza. Madanakollu appella biex min ikun se jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit jagħmel polza tal-assikurazzjoni għall-ivvjaġġar li tkopri s-saħħa.

Dwar is-sitwazzjoni tal-COVID, is-Sur Cole qal li s-sitwazzjoni prekarja f’Londra wasslet biex fl-aħħar ġimagħtejn kellhom jerġgħu jibdew jaħdmu mid-dar. Spjega kif huma ma jistgħux joħorġu visas u passaporti, għajr għal każi eċċezzjonali, bħal bżonnijet ta’ pazjenti jew familjari tagħhom. Kompla li minkejja il-pandemija, il-pazjenti Maltin b’mard serju xorta setgħu jibqgħu jitilgħu l-Ingilterra għall-kura, għalkemm iridu jsegwu r-regolamenti.

”Biex jiġu jrid ikollhom negative pcr test u jimlew location form – importanti li ssir biex nevitaw li meta jaslu l-ajruport ma jeħlux xi multa l- Maltin. Konna ġibna eżenzjoni għal pazjent plus 1 għal eżenjoni mill-kwarantina imma din limitata.”

Żied li din l-eċċezzjoni hi valida biss biex il-pazjenti jmorru mill-ajruport għal post fejn se joqgħodu u għall-appuntamenti mediċi biss, bl-ebda ħruġ ieħor mhu permess. Il-Kummissarju Għoli Malti qal li apparti s-saħħa, fost il-komunità Maltija hemm min qed jaffaċċja sfidi oħrajn.

”Kien hemm nurmu żgħir li tilfu xogħolhom u kellhom jirritornaw Malta. Hemm oħrajn li tilfu xogħolhom li baqgħu hawn jipprovaw jaħdmu mid-dar jippruvaw joħolqu xi ħaġa kreattiva u immaginattiva. Imma hemm Maltin li għandhom sfidi kbar minħabba l-impieg tagħhom. Mhux rabta max-xogħol biss imma imbagħad kif ħa tħallas il-kera li jkollok, tixtri x’tiekol u affarijiet oħra.”

Is-Sur Cole qal li jħares ‘il quddiem għal żmien aħjar. Qed jittama li ladarba s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal jirranka x-xogħol b’kuntatti personali mal-uffiċċju tal-affarijiet barranin Ingliżi, it-tisħiħ tax-xogħol fil-Commonwealth u ħidma biex Malta terġa’ tkun eletta fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.