Politika
Il-Kummissjoni Kandidati tal-PN ikkonkludiet li kemm Dr Delia u Dr Grech jistgħu jkunu kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-partit

Il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għalqet b’mod definittiv il-proċess tal-verifika fuq iż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia u Dr Bernard Grech. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kemm Dr Delia u anke Dr Grech jistgħu jkunu kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista kif jitlob l-Istatut.

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati, Colin Bowman, qal li l-Kummissjoni ltaqgħet fit-tul maż-żewġ kandidati u intervistathom għall-iskop li jistabbilixxi l-Istatut. Il-kummissjoni ikkunsidrat ukoll ir-rapporti dwar diliġenza pruvata fir-rigward taż-żewġ kandidati li rċeviet mingħand il-panel ta’ esperti indipendenti li ħatret hi stess kif jitlob l-istatut u r-regolamenti. Dan il-panel ta’ esperti indipendenti kien magħmul minn Dr Antonio Ghirlando bħala chairperson, mill-awditur Mario P Galea u n-nutar Dr Clyde La Rosa.

Il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista wettqet l-aċċertamenti possibbli skont l-aħjar ħila tagħha fi żmien stabbilit mill-istatut. Qalet li kemm Dr Delia u wkoll Dr Grech issottomettew ruħhom għall-evalwazzjoni u l-eżerċizzju tad-diliġenza pruvata u irringrazzjathom tal-koperazzjoni tagħhom.