Lokali
Il-kumpanija Baxter se tikber u timpjega 50 ruħ oħra

Il-Kumpanija Baxter se tkompli tespandi biex fiż-żmien li ġej timpjega 50 persuna oħra. Minkejja l-isfidi tal-pandemija, il-kumpanija fil-Qasam Industrija tal-Marsa rnexxielha tkabbar l-operat tagħha b’20 fil-mija u bl-għajnuna tal-Malta Enterprise tinsab fil-proċess biex tkompli tikber b’10 fil-mija oħra.

Minkejja l-isfidi tal-pandemija, il-kumpanija Baxter kabbret l-operat tagħha bi 30 fil-mija. Illum tħaddem mas-600 ħaddiem fil-manifattura u fir-riċerka u l-iżvilupp, u fix-xhur li ġejjin – grazzi għall-mod kif kibret tul is-sena li għaddiet – se żżid l-impjegati b’50 oħra.

Il-kumpanija Baxter tipproduċi prodotti mediċi li jintużaw fi kliniċi u sptarijiet madwar id-dinja. Ilha f’Malta 30 sena. L-investiment li sar se jkompli fix-xhur li ġejjin.

“L-investiment jikkonsisti f’makkinarju ġdid kif ukoll infrastruttura li tiġi madwaru biex inti tkun tista’ tipproduċi prodott mediku fl-istess ħin ninvestu wkoll fl-iżvilupp tal-ħaddiema li ħa nkunu qed ningaġġaw magħna biex huma wkoll jitgħallmu dawk il-proċessi li jridu jagħmlu biex jipproduċu dan il-prodott li ħa nkunu qed nagħmlu”.

Il-kumpanija Baxter ibbenefikat mill-għajnuna li l-Malta Enterprise tagħti lill-kumpanija tal-manifattura.

“Fil-qasam tal-manifattura, il-Malta Enterprise tassisti kumpaniji biex jikbru kemm fit-training grants għall-ħaddiema tagħhom biex iżidu l-iskills tal-ħaddiema tagħhom imma anke ovvjament meta jiġu għall-espansjoni. Espansjoni kemm f’dak li huwa xiri ta’ makkinarju kif ukoll anke l-binja perse biex jespandu”, qal is-Sur Farrugia.

Waqt żjara fil-fabbrika ta’ Baxter, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli ddeskriviet lill-kumpanija bħala waħda ta’ eċċellenza u li wriet fiduċja f’Malta daqskemm Malta wriet fiduċja fiha. Irrikonoxxiet li f’sena ta’ sfidi, il-kumpanija rnexxielha tlesti investiment ta’ espansjoni ta’ 20 fil-mija tal-produzzjoni tagħha, u immedjatament kompliet tiddiskuti mal-Malta Enterprise biex isir investiment ieħor li se jkabbar l-operat tal-kumpanija b’10 fil-mija oħra.

Qalet li dan hu eżempju tipiku tal-kumpaniji li hawn f’Malta li mhux biss huma reżiljenti, imma jħarsu lejn investiment fit-tul. Il-Ministru Dalli żiedet li l-Gvern u l-Malta Enterprise se jibqgħu joffru l-assistenza meħtieġa biex joffru aktar xogħol u karrieri ta’ kwalità.