Il-kumpanija fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi tiswa b’kollox €92

Il-kumpanija fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi tiswa b’kollox €92. Sostna dan il-Ministru Konrad Mizzi fil-programm Dissett li se jixxandar illejla. Il-Ministru żvela li ddeċieda li jiftaħ dan it-trust fi New Zealand wara diskursata maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li kien diġà qed ikellem mal-konsulenti finanzjarji dwar dan. Qal li d-deċiżjoni li jagħlaq il-kumpanija fil-Panama wara li kkonsulta u sema’ li ħafna ma riedux dan it-tip tal-arranġament għall-immaniġġjar tal-familja tiegħu.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li s’issa l-Kummissarju tat-Taxxi Interni infurmah biss li rċieva t-talba tiegħu biex isir awditjar sħiħ tal-ġid tiegħu. Huwa qal li ma jafx dan l-eżerċizzju kemm ser idum iżda rribatta l-argumenti li l-Kummissarju ma jistax jinvestiga l-kumpanija tiegħu fil-Panama. Qal li din l-investigazzjoni tista’ ssir għaliex hu ta l-awtorità tiegħu u tenna li ser jagħlaq din il-kumpanija li investa fiha €92 malli titlesta l-verifika tal-kummissarju tat-taxxi.

Dwar it-Trust fi New Zealand, il-Ministru Mizzi qal li dan infetaħ wara diskursata li kellu maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

“Hu kien spjegali is-sitwazzjoni tiegħu kif kienet fuq it-trust fund u kien spjegali li qed jieħu pariri fuq t-trust fund u jiena wara dik id-diskussjoni kelli disskussjoni mal-istess advisors dwar din il-materja u ħarġu bi struttura għalija. Struttura li hi daqsxejn differenti wkoll għax l-objectives huma daqsxejn differenti u l-benefiċċjarji huma differenti,” qal Dr Mizzi..

Mistoqsi jekk tawx parir lil xulxin, Dr Mizzi qal: Le ma tajniex parir lil xulxin. Jien kont naf what was going on and his good intentions. Jien min-naħa tiegħi tkellimt mal-advisoirs and they managed it. Tajjeb li ngħid li anke l-engagment man-Nexia jiena dħalt ħafna wara li daħal hu,” qal Dr Mizzi.

Dr Mizzi qal li ċ-chief of Staff tal-Prim Ministru għamel dan it-trust bħala pjan ta’ kontinġenza wara li diġà għandu xi trusts oħra f’Malta u fakkar li s-Sur Schembri kien ilu snin fin-negozju qabel ħa l-kariga li għandu bħalissa.

Dwar il-fatt li ma rreġistrax it-trust fund mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, Dr Mizzi qal li ħalla f’idejn il-konsulenti finanzjarji tiegħu.

“Il-ġimgħa l-oħra erġajt tlabt u ħadt opinjoni terza mingħand avukati biex iduru l-liġijiet kollha biex jaraw li m’għamilt xejn ħazin. Għalija biex nserraħ rasi. Qalulna li hemm notification letter ġo legal notice li bilkemm tintuża hawn Malta. Fittxejna din id-declaration fuq il-website tal-inland revenue u ma sibna xejn, sibniha ġo legal notice u ma kienx hemm ewro imma formula antika bil-Liri Maltin. L-advisors ma kinux jafu biha, I told them to rectify it,” kompla Dr Mizzi.

Waqt Dissett il-Ministru Mizzi qal li mis-Sibt sat-Tnejn iddeċieda li jżarma il-kumpanija tal-Panama għax tkellem ma’ bosta ħbieb tiegħu li qalulu li jkun aħjar jekk jagħlaq din il-kumpanija. Il-Ministru qal li qabel infetaħ it-trust sar due diligence kbira fuqu biex jaraw minn fejn ġejjin l-assi minħabba li huwa persuna fil-politika.