Lokali
Il-kumpanija Premier Capital tirreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ €19-il miljun

Il-kumpanija Maltija Premier Capital, li għandha l-liċenzja sabiex topera sitt swieq Ewropej ta’ Mc Donald’s, irreġistrat profitt qabel it-taxxa ta’ €19-il miljun matul is-sena li għaddiet.

Dan hu b’kuntrast mal-2019 meta l-kumpanija reġistrat €28 miljun. Matul is-sena li għaddiet il-grupp kompla bl-istrateġija ta’ investiment bil-ftuħ ta’ ħames ristoranti ġodda, filwaqt li sar l-uniku sid tan-negozju fir-Rumanija wara li xtara s-sehem ta’ 10 fil-mija li kien għand azzjonist wieħed.

Il-Premier Capital timpjega 8,726 persuna f’159 ristoranti fl-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija u Malta. Bl-eċċezzjoni ta’ 24 persuna li ħalliet il-kumpanija fil-bidu tal-2020, ma ntilfu l-ebda impjiegi kawża tal-pandemija, bil-kumpanija tgħid li baqgħet tħares lill-impjegati kollha u żiedet mal-iskemi ta’ għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali rispettivi.