Lokali
Il-kumpanija Toly b’investiment ta’ €3 miljun f’operat aktar sostenibbli

II-kumpanija Toly li tispeċjalizza fil-manifattura tal-prodotti tas-sbuħija ħabbret investiment ta’ tliet miljun ewro b’parti sostanzjali tal-investiment ikun allokat għar-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li l-operazzjonijiet tal-kumpanija isiru iżjed sostennibbli. Fi żjara lil din il-kumpanija, il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern għen lill-kumpaniji bis-suppliment tal-pagi, u b’dan is-sostenn it-Toly irreġistrat żieda fil-bejgħ f’April u qed tbassar prospetti tajbin għax-xhur li ġejjin.

Investiment ta’ tliet miljun ewro għat-tisħiħ fl-operat tal-kumpanija Toly tul l-4 snin li ġejjin biex fi kliem iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Andy Gatesy, il-kumpanija li bdiet minn għeruq modesti ħamsin sena ilu, tkompli tespandi u tevolvi b’mod sostenibbli.

Huwa fakkar kif fl-1971, it-Toly bdiet topera minn Bulebel, u kienet l-ewwel fabbrika f’ Malta f’din iż-żona industrijali, biex illum saret waħda mill-kumpaniji barranin li tisupplixxi lill-industrija tas-sbuħija, bi 23 minn 30 kumpanija internazzjonali tas-sbuħija jimportaw l-prodotti tagħhom mit-Toly, li għandha wkoll uffiċċji mill-Istati Uniti, l-Ewropa u l-Asja.

Il-Kap Eżekuttiv tat-Toly spjega kif il-kumpanija qed tinvesti fl-aħħar teknoloġija b’kunċetti ġeotermali fost l-oħrajn biex tkessaħ il-magni u l-forom tal-prodotti, filwaqt li qed tiffoka wkoll fuq il-proċess tal-immaniġġjar tal-iskart. Sostna kif fl-4 snin li ġejjin it-Toly se tkun qed tinvesti wkoll biex tbiddel il-magni tagħha għall-elettriku, kif ukoll b’pannelli fotovoltajċi fuq is-soqfa biex tiġi ġġenerata l-enerġija.

“Wwe are now working on what we can do to rebound after the crisis and you can already see that consumer confidence is starting to gain and things are coming back… we are going to be investing in sustainability, our customers are looking for sustainable solutions so we are looking at energy efficiency, electric moulding machines, investing in changing our moulding machines and putting pv panels on roof of our building.”

Is-Sur Gatesy qal li dan l-investiment fil-pannelli fotovoltajċi se jkun qed jilħaq 20% tad-domanda għall-enerġija tal-kumpanija u se jirriżulta f’nuqqas ta’ 2,000 tunnellata f’emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi tal-karbonju.

Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostennibbli Miriam Dalli iddeskriviet lit-Toly bħala storja ta’ suċċess bi tradizzjoni ta’ riċerka u investiment fil-ħaddiema, u enfasi fuq id-diversifikazzjoni. Qalet li l-istrateġja tal-Gvern permezz tal-Malta Enterprise hija ċċentrata biex tkompli tghin lill-kumpaniji jinvestu fis-sostennibilta.

“Se nkomplu ninċentivaw l-intrapriżi biex jinvestu aktar fil-qasam diġitali u fis-sostennibiltà b’dan il-mod naċċertaw li l-intrapriżi tagħna jkunu reżiljenti f’dan iż-żmien ta sfida. Toly Products huwa eżempju ċar ta’ dan”.

Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern irid jara kif minkejja d-diffikultajiet tal-Covid, il-Gvern għen lill-kumpaniji bis-suppliment tal-pagi, sostenn li qalet wassal biex kumpanija bħat-Toly setgħet tirreġistra żieda fil-bejgħ u qed tbassar li tkompli tilħaq il-miri tagħha fit-tieni nofs ta’ din is-sena.